Sal-lum il-ġurnata, il-Prim Ministru Robert Abela għadu ma qalx min se jkun qed jerfa’ responsabbilta politika għar-racket ta’ frodi li sar mill-benediċċji soċjali… frodi li permezz tiegħu nsterqu miljuni ta’ ewro mill-poplu Malti.
Huwa evidenti li Abela qed iħossu skomdu ferm iwieġeb id-domandi tal-ġurnalisti dwar dan ir-racket hekk kif spiċċa dahru mal-ħajt quddiem dak li ntqal min-numru ta’ persuni li fix-xhieda tagħhom kixfu kif Kastilja hija involuta direttament f’dan il-frodi.
Il-Ħamis filgħodu Robert Abela baqa’ jaħrab mid-domandi ta’ Net News dwar min se jkun qed iġorr responsabbiltà politika… bil-Prim Ministru… kif issa saret il-prassi… spiċċa jfarfar fuq ħaddieħor.
Abela baqa’ jiċħad li hemm nies minn Kastilja involuti; dan meta l-provi juru xorta oħra hekk kif kienu bosta dawk li anke f’intervisti li kellhom mal-media, qalu li kienu referuti minn Kastilja.
Pressat mill-mistoqsijiet, Robert Abela baqa’ jgħid li dak li qed jintlaq, skont hu, huma biss allegazzjonijiet. Dan meta fl-aħħar ġimgħat tressqu n-nies il-Qorti dwar dawn il-frodi u kellhom jirritornaw il-flus li ħadu.
U allura, fi kliem sempliċi, dawn ma baqgħux allegazzjonijiet imma FATTI pruvati fil-Qorti.
L-istess Prim Ministru baqa’ jinsisti li dan il-każ ta’ frodi huwa distanti minn Kastilja u mill-Partit Labruista. Dan meta fir-racket ta’ frodi hemm implikat eks Deputat tal-Partit Laburista stess.
Robert Abela innifsu ikkonferma li mill-invetigazzjonijiet li saru, kien hemm 160 persuna li bbenefikaw minn dan ir-racket ta’ frodi… bil-Prim Ministru ma jeskludix li dan in-numru jkompli jiżdied.
Meta staqsejnih jekk il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa sejjaħx lil Silvio Grixti għall-interrogazzjoni, Abela ħarab mid-domandi ta’ Net News.
//= $special ?>