Il-media fir-Renju Unit, fl-aħħar sigħat, żvelat każ xokkanti li jmur lura għal Settembru tas-sena l-oħra u li fih il-pilota ta’ ajruplan militari tar-Russja kien ipprova jwaqqa’ ajruplan tal-RAF (il-qawwiet tal-ajru Britanniċi) li kien qed jintuża għal missjonijiet ta’ sorveljanza fl-ispazju tal-ajru internazzjonali.
Is-sorsi viċin il-BBC qalu li l-bdot Russu kien spara żewġ missili lejn l-ajruplan, b’missila minnhom ma tolqotx lill-ajruplan għal ftit – u meta issa sar magħruf li l-attakk kien ‘intenzjonat’ aktar milli ‘konsegwenza ta’ difett fis-sistema’ bħalma kien irrappurtat dak iż-żmien.
Ingħad ukoll li l-bdot, dakinar, ħaseb li ‘kien ingħata l-permess’ biex jattakka lill-ajruplan (b’ekwipaġġ ta’ 30) li kien għaddej minn fuq il-Baħar l-Iswed. Dan qed ikun żvelat wara li l-Ministeru tad-Difiża Britanniku, xhur ilu, kien aċċetta l-ispjegazzjoni tar-Russi li l-inċident kellu jseħħ b’kaġun ta’ problema teknika.
Fil-fatt, dakinar – id-29 ta’ Settembru – l-ajruplan kien ikkonfrontat minn żewġ fighter-jets tat-tip SU-27 tar-Russja u fejn wieħed mill-bdoti aġixxa fuq direttiva ‘ambigwa’ mingħand il-kontrolluri Russi tal-art. It-tieni bdot Russu, iżda, ma segwiex l-azzjoni u fil-fatt widdeb lil sieħbu biex jirtira minnufih — b’din l-informazzjoni wkoll qed toħroġ issa.
Madankollu, il-Ministeru tad-Difiża Britanniku mhux jaħseb biex jiżvela, pubblikament, il-komunikazzjonijiet ‘ta’ waqt l-azzjoni’ li kienu interċettati mis-sensors tal-ajruplan Britanniku tat-tip RC-135 Rivet Joint u li għal ftit żmien kien spiċċa mira ewlenija tal-fighter-jet Russu.
//= $special ?>