Nhar il-Erbgħa saret laqgħa mal-President tal-Alleanza taċ-Ċentru-Lemin Ewropew tal-LGBT+ Fredrik Sawestahl fl-uffiċju tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista fid-Dar Ċentrali. Preżenti għal din il-laqgħa attendew il-Kap tal-PN Bernard Grech, il-Viċi-Kap tal-PN Alex Perici Calascione, is-Segretarju Generali tal-PN Michael Piccinino, il-Kelliem għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet tat-Tfal Graziella Attard Previ, il-Kelliem għal-Libertajiet Ċivili u d-Djalogu Soċjali Claudette Buttigieg, il-Kelliem għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Graziella Galea, il-President tal-FOIPN Jamie Vella, Michele Tufigno u Leone Siberras.
Xhur ilu, l-FOIPN għamlet kuntatt mal-Alleanza, u Veronica Perici Calascione organizzat laqgħa virtwali bejn l-Alleanza u l-FOIPN. Matul il-laqgħa huma sostnew li jixtiequ li jkun hemm komunikazzjoni regolari bejn l-Alleanza u l-PN bl-għan li jaqsmu bejniethom għarfien u ideat. L-Alleanza sostniet li din il-kommunikazzjoni tgħinhom sabiex jifmu kif partiti differenti fl-Ewropa jaffaċċjaw problemi u sfidi differenti, bl-għan sabiex ikunu jistgħu isaħħu l-istrateġiji u l-komunikazzjoni fi ħdan il-kommunità tal-LGBTIQ+.
L-FOIPN kienet mistiedna tattendi waħda mill-laqgħat tal-Alleanza f’Lulju li għadda, u ser terġa tattendi għal laqgħa li jmiss fl-aħħar ta’ Settembru. Apparti min hekk, l-FOIPN ġiet mistiedna tattendi l-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Alleanza f’Dublin f’Novembru, fejn hemm il-possibilità li l-FOIPN issir membru ġdid tal-Alleanza.
Fil-laqgħa li saret, l-FOIPN spjegaw lil Sawestahl eżatt min huma bħala FOIPN, ir-realtajiet tagħhom rigward problemi tal-LGBTIQ+ u l-identita’ Ewropea tagħhom.
Minħabba l-potenzjal li l-FOIPN sir membru tal-Alleanza, ser jagħmlu sforz sabiex ikunu jistgħu jesploraw modi differenti ta’ kif jistgħu jirrikonċiljaw l-ideoloġiji u l-wirt Demokristjani tal-PN mar-realtajiet tal-komunità LGBTIQ+.
Billi jimpenjaw ruħhom b’mod attiv mal-Alleanza, jikkunsidraw is-sħubija, l-allinjament tal-politiki tagħhom, jaqsmu l-għarfien, u jippromwovu l-inklużività, l-FOIPN sostnew li jistgħu jiżviluppaw tekniki u strateġiji billi jitgħallmu minn partiti oħra taċ-ċentru-lemin fl-Ewropa, li jisperaw li jirrendu fis-suċċess elettorali jekk implementati. Din is-sħubija tenfasizza l-impenn tagħhom lejn il-valuri tal-partit u sabiex javvanzaw id-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini kollha.
//= $special ?>