Lokali Qorti

Jinżamm arrestat fuq 49 qartas kannabis

Raġel li nqabad iġorr 49 qartas cannabis sintetiku fil-Marsa inżamm arrestat. Ahmed Omer Hassan Musoud ta’ 28 sena mis-Sudan ġie arrestat nhar it-Tlieta,12 ta’ Settembru fi Triq is-Salib tal-Marsa iġorr b’kollox seba’ grammi ta’ dik li l-pulizija tgħid li hija cannabis sintetika. L-ammont ta’ droga tqassam f’49 qartas żgħir, qalet il-pulizija.

Musoud ġie mixli bil-pussess tas-sustanzi psikoattivi f’ċirkostanzi li indikaw li ma kinux esklussivament maħsuba għall-konsum personali tiegħu. L-akkuża kompliet kienet aggravata mill-fatt li kien fil-pussess tad-droga sa 100 metru minn post fejn abitwalment jinġabru ż-żgħażagħ.

L-Ispettur tal-Pulizija Mark Cremona qal lill-Maġistrat Rachel Montebello li uffiċjali tal-Pulizija tal-Komunità li kienu fl-inħawi kienu osservaw lill-imputat jaġixxi b’mod suspettuż. Huma kienu segwewh u eventwalment waqqfu lir-raġel, u sabu 49 qartas ta’ sustanza mhux magħrufa kif ukoll flus kontanti.

Inħatret inkjesta maġisterjali u d-droga ġiet identifikata minn espert maħtur mill-qorti. L-avukat Martin Farrugia nħatar bħala avukat tal-għajnuna legali tal-imputat. Huwa qal lill-Qorti li r-raġel kien qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi. Farrugia talab il-ħelsien mill-arrest, filwaqt li rrimarka li Musoud kellu rekord kriminali nadif.

L-Avukat oġġezzjona għall-kumment li l-klijent tiegħu m’għandu ebda indirizz fiss għax qed jgħix fid-dar ta’ ħabib. Il-prosekuzzjoni qalet li ma kien hemm l-ebda riskju li tbagħbis l-evidenza iżda r-raġel ma kellu ebda sors ta’ dħul. “Hu qalilna li jaħdem fil-kostruzzjoni, iżda ma tana xejn biex jipprova dan.”

Dr. Farrugia rribatta li r-raġunijiet biex tiġi rrifjutata l-libertà proviżorja kienu mniżżla fil-liġi u l-ebda waħda minn dawk ir-raġunijiet ma hi nkluża. “Mhux proporzjonali jew meħtieġ li wieħed jidħol fl-arranġamenti tax-xogħol u tad-djar tiegħu,”

Il-Qorti iżda qalet li ma kinitx sodisfatta li l-imputat ikun traċċabbli għall-finijiet li jiġi notifikat b’taħrika għal seduti futuri. Il-libertà proviżorja għalhekk ġiet miċħuda.