Ix-xandir nazzjonali ġie mitlub jippreżenta policy aġġornata li tinkludi r-rappurtaġġ mill-mezzi soċjali. Dan hekk kif waqt rappurtaġġ li sar mill-kamra tal-aħbarijiet tat-TVM, kien hemm ksur ta’ imparzjalità dwar stqarrija tal-Partit Nazzjonalista li trattat id-deċiżjoni tal-Qorti fuq l-iżvilupp f’Ħondoq ir-Rummien.
L-Awtorita tax-Xandir ordnat biex tali dokument irid jiġi ppreżentat fit-terminu ta’ erba’ ġimgħat u mgħoddi lill-Awtorità tax-Xandir fi żmien ġimgħa minn kull modifika.
Fl-ilment tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino qal li l-Kamra tal-Aħbarijiet tat-TVM irrappurtat id-deċiżjoni tal-Qorti wara l-istqarrija tal-Labour, fejn imbagħad kompliet bl-istqarrija tal-PN li ġiet segwita bi tweet ta’ Robert Abela. Hu qal li b’dan il-mod l-istqarrija tal-PN spiċċat bejn l-istqarrija tal-PL u t-tweet ta’ Abela.
Michael Piccinino, irrapreżentat mill-Avukat Paul Borg Olivier qal ukoll li jekk il-Kamra tal-Aħbarijiet ħasset li t-tweet ta’ Robert Abela kienet ‘news worthy’ kien imissha ġiet irrapportata flimkien mal-istqarrija tal-PL u mhux wara l-istqarrija tal-PN. Huwa żied li dan l-aġir mill-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS qed iwassal biex il-messaġġ tal-PN jitnaqqar mill-effettività tiegħu, u kien għalhekk li talab rimedju effettiv.
Wara li kkunsidrat l-argumenti mressqa, l-Awtorità qalet li minkejja li r-rapport laħaq l-element ta’ bilanċ xorta waħda kien hemm nuqqas ta’ kjarezza mix-xandar li ġejja minn policy tal-PBS, u kien hemm nuqqas ta’ imparzjalità.
//= $special ?>