Il-kelliema għall-Armata tal-Ukrajna qalu li l-qawwiet tagħhom irnexxielhom jeqirdu sistema sofistikata tar-Russi li kienet qed tintuża għal kontra l-attakki mill-ajru. L-aħħar disfatta militari għar-Russi seħħet fl-artijiet tal-Krimea li ilha mill-2014 okkupata mill-qawwiet tal-Kremlin u fejn jidher li seħħ ‘attakk koordinat’ fuq faċilità militari viċin ta’ Yevpatonya, lejn il-Punent tal-penisola.
Is-servizzi tas-sigurtà SBU tal-Ukrajna qalu, intant, li l-aġenti tagħhom u l-qawwiet tal-baħar Ukreni kellhom sehem fl-attakk, bil-filmati juru nar kbir u dħaħen telgħin minn settur tal-Krimea partikulari. Ingħad li ntużaw id-drones għall-eliminazzjoni tas-sistemi tar-radar flimkien ma’ missili ‘cruise’ għal kontra l-launchers tal-missili tar-Russi.
Ir-Russja ma kummentatx dwar l-azzjoni fi żmien meta l-Krimea kapaċi tispiċċa bħala front tal-konflitt ewlieni waqt il-gwerra fl-Ukrajna li ilha għaddejja minn Frar tal-2022. U fl-aħħar sigħat, ir-Russi qalu biss li l-qawwiet tagħhom kienu waqqgħu aktar drones tal-Ukreni u li d-difiżi tal-Kremlin kienu ġabu fix-xejn attakk separat fuq bastiment tal-gwerra tar-Russja.
Madankollu, xi sorsi mhumiex identifikati qalu li r-Russi huma anki inkwetati dwar is-sitwazzjoni fil-Krimea u meta fl-aħħar sigħat kienu rappurtati sensiela ta’ splużjonijiet oħra fi bnadi tal-penisola li r-Russi kienu ħatfu snin ilu lill-Ukrajna.
//= $special ?>