Lokali

Ringrazzjament lil Clyde Puli u Antoine Mifsud Bonnici

“Wittew it-triq biex il-Partit Nazzjonalista kiber, issaħħaħ u għamel ġid lil pajjiż”.

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta preżenta rikonoxximent lill-eks Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Antoine Mifsud Bonnici u Clyde Puli – rikonoxximent għax-xogħol li għamlu matul is-snin, kemm għall-partit u anke għall-pajjiż.

Fil-bidu ta’ dan ir-riċeviment fil-Każin tal-PN f’Ħal Luqa ġiet preżentata bijografija kemm ta’ Antoine Mifsud Bonnici u anke ta’ Clyde Puli; li t-tnejn servew fi gvernijiet Nazzjonalisti differenti bħala Segretarji Parlamentari.

Fid-diskors li wassal, Bernard Grech qal li huwa importanti li “niftakru, nonoraw u napprezzaw” il-ħidma flimkien għall-ġid tal-partit u tal-pajjiż. U lkoll irridu nibqgħu naħdmu flimkien bħala katina.

Ir-riċeviment sar l-Erbgħa filgħaxija, u preżenti għal din l-attivita kien hemm il-Vici Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione, kif ukoll il-Membri Parlamentari Paula Mifsud Bonnici u Jerome Caruana Cilia.