Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ġiet meqjusa bħala waħda mill-aqwa mexxejja dinjija minn Time Magazine.
Il-magazine segwit madwar id-dinja kollha ppublika l-lista ‘Time100 Next’ li fiha jissemmew l-aktar 100 individwu li jkunu qed iħallu impatt madwar id-dinja f’diversi oqsma, fosthom il-politika, is-saħħa, l-klima, n-negozji, l-isport u l-arti.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen kitbet t-testimonjanza għall-President Metsola, li fiha qalet li Roberta Metsola ressqet l-Unjoni Ewropea viċin in-nies.
Ursula von der Leyen qalet li kull meta Roberta Metsola jkollha żjarat fl-Istati Membri, tkun kemm tkun mimlija l-aġenda, dejjem issib il-ħin biex tiltaqa’ man-nies. U magħhom twassal messaġġ b’saħħtu – dak li għandhom jinvolvu ruħhom u jkunu sors ta’ bidla.
Hi faħħret ukoll ir-rwol u l-ħidma ta’ Roberta Metsola biex mexxiet ir-riformi tal-Parlament Ewropew, fejn qalet li Roberta taħdem il-ħin kollu biex tagħmel l-istituzzjonijiet Ewropej aktar trasparenti u jiffunzjonaw aħjar.
Il-President Ursula von der Leyen sostniet ukoll li l-passjoni ta’ Roberta għall-Ewropa wasslitha għall-ogħla kariga fil-Parlament Ewropew, hekk kif issa Roberta Metsola qed tuża dik il-passjoni għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea.
F’kummenti ma’ Net News, il-President tal-Parlament Ewropew laqgħet din il-pubblikazzjoni, fejn qalet li huwa ta’ unur li l-ħidma li qed titwettaq qed tiġi rikonoxxuta. Saħqet li l-ikbar sodisfazzjon hu li d-daqs ġeografiku ta’ Malta ma jservix ta’ xkiel biex nilħqu l-potenzjal tagħna.
Hija appellat liż-żgħażagħ biex jinvolvu ruħhom, isemmgħu leħinhom għax huma jistgħu jagħmlu d-differenza. Waħda mill-affarijiet li ssemmiet f’Time Magazine hija l-kuntatt li Roberta żżomm man-nies. u din hija xi ħaġa li għamilet sa mill-bidu nett u hekk se tibqa’ tagħmel.
Fil-gimghat li ġejjin, il-President Roberta Metsola mistennija tindirizza attività fi New York, li matulha tkun rikonoxxuta f’din il-lista.
