Lokali Qorti

10 snin ħabs imnaqqsa bin-nofs wara li seraq €345,000 lill-kumpanija fejn kien jaħdem

Accounts clerk ta’ 42 sena minn San Ġwann li kien ikkundannat 10 snin ħabs u mmultat €95,000 wara li nstab ħati li żamm għalih mat-€345,000 tal-kumpanija li kien jaħdem magħha kellu l-piena mnaqqsa għal ħames snin u l-multa għal €55,000 fl-istadju tal-appell.

Għaldaqstant Vincent Etienne Vella, kellu s-sentenza u l-multa prattikament imnaqqsa bin-nofs mill-Qorti tal-Appell Kriminali. Kien id-direttur tal-kumpanija li fl-2009 induna għall-ewwel darba li kien hemm xi ħaġa ħażina. Dan wara li rċieva avviż ta’ sospensjoni mingħand l-awtorità responsabbli mill-gaming peress li t-taxxi ma kinux tħallsu kif ukoll talba għall-ħlas mingħand min jipprovdi l-internet li kien ilu xhur ma jitħallas.

Meta d-direttur daħal fil-kont tal-kumpanija sab żewġ tranżazzjonijiet f’isem persuni li ma kienx jaf u meta kellem lil Vella dan wieġbu li kien żball tal-bank. Wara Vella bagħtlu email u qallu li kien se jirriżenja mix-xogħol.

Il-kumpanija kompliet tinvestiga u sabet li kien hemm madwar €345,000 fi flus nieqsa u għalhekk għamlet rapport lill-Pulizija. Il-Qorti kienet ordnat lir-raġel biex jirrifondi €345,216 li misapproprja mingħand l-eks boss tiegħu, wara li sema’ kif uża l-flus tal-kumpanija biex jixtri karozzi u jgħix “ħajja tajba”.

Il-Qorti sabet li Vella kien misapproprja l-fondi ta’ Fenplay Ltd, li qabel kienet CBM Bookmaker International Ltd, waqt l-impjieg tiegħu bejn Awwissu 2007 u Awwissu 2009. Missier Vella, Emanuel, kien implikat ukoll fil-misapproprjazzjoni minn ibnu wara li l-Qorti semgħet li ibnu kien ittrasferixxa, permezz tal-internet banking, kważi €200,000 fil-kont tiegħu tal-HSBC.

Vella ingħaqad mad-ditta fl-1 ta’ Awwissu, 2007. Huwa kien responsabbli għall-kontijiet bankarji tagħha u l-ħlasijiet lill-klijenti, fornituri u kredituri. Tliet xhur biss wara li ngħaqad, beda jittrasferixxi l-fondi tal-kumpanija lil diversi nies, fosthom missieru, u uża l-flus biex jixtri – fost affarijiet oħra – karozzi, muturi u spare parts.

Fit-30 ta’ Novembru ta’ seba’ snin ilu Vella kien instab ħati ta’ miżapproprjazzjoni ta’ flus u ħasil ta’ flus b’dannu għall-kumpanija li kienet timpjegah. Il-Qorti tal-Maġistrati kienet iddeskriviet il-każ bħala “każ klassiku ta’ riċiklaġġ u ħasil ta’ flus fejn Vella kien juża isem missieru biex jieħu għalih flus li kienu ta’ kumpanija tal-betting li kien jaħdem magħha”.

Kien Vella li appella bl-Imħallef Neville Camilleri jikkonferma l-ħtija fejn qal li l-akkużat “nefaq il-flus daqs li kieku għada x-xemx ma kinitx se titla’” waqt li żied li ma jemminx il-verżjoni ta’ Vella li kien juża l-kont ta’ missieru biex jiffaċilita r-rendikont tal-flejjes.

Il-Qorti hija tal-fehma li l-appellant uża l-kont ta’ missieru biex ma jidhirx direttament ismu. Frott ta’ dan l-ħati kien irnexxielu jaħrab mill-kweżit magħmul mill-accountants tal-kumpanija. L-Imħallef Camilleri qal ukoll li Vella pprova jaħbi l-passi tiegħu u sostna li l-fatt li fl-2009 il-kumpanija għamlet nofs is-€712,201 qligħ li għamlet fis-sena ta’ qabel juri biċ-ċar l-effett li ħalla għemil Vella fuq il-kontijiet tagħha.

L-Imħallef Camilleri tenna li jara li hemm lok ta’ bidla fil-piena fejn ħa kunsiderazzjoni tal-età li kellu Vella meta wettaq ir-reat, il-fatt li r-reat seħħ fl-2009, il-fatt li l-appell kien ilu pendenti minn Diċembru 2016 u l-fatt li l-kondotta tiegħu baqgħet netta apparti multa fl-2010 talli naqas li jħares l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fuq il-każ. Kien għalhekk li waqt li kkonferma l-ħtija ta’ Vella naqqaslu l-piena ta’ ħabs u l-multa.