Lokali

Dikjarazzjonijiet foloz u qarrieqa fl-istqarrija għall-istampa mill-OPM – Media Reform Initiative

Id-dikjarazzjoni mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru ppubblikata fit-13 ta’ Settembru 2023 b’reazzjoni għal ittra miftuħa ffirmata minn aktar minn 130 editur, ġurnalist, kittieba, artisti, u attivisti, hija mimlija b’dikjarazzjonijiet qarrieqa u foloz. Dan hu ta’ tħassib serju peress li jindika b’mod ċar li l-Gvern qed jippjana li jimbotta l-leġiżlazzjoni tal-midja permezz tal-Parlament mingħajr konsultazzjoni pubblika minn qabel, permezz tal-pubblikazzjoni ta’ White Paper dwar ir-riforma tal-midja.

Dan ifisser li l-Gvern waħdu se jiddeċiedi kif se tkun regolata l-libertà tal-espressjoni ta’ kulħadd. Dan ifisser ukoll li l-libertà tal-istampa se tkun regolata fi ħdan parametri deċiżi mill-Gvern stess li ta’ spiss jimmarka l-ġurnaliżmu investigattiv – imwettaq f’riskju kbir – bħala aħbarijiet foloz jew spin politiku, jew sempliċement jittrattah bħala irrilevanti f’eku ta’ tkexkix tal-kundizzjonijiet ta’ impunità li ppermettew l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Ir-rifjut kontinwu tal-Gvern li jippubblika immedjatament ir-rapport mill-Kumitat ta’ Esperti dwar il-Midja huwa daqstant ieħor ta’ tħassib. Għalkemm ir-rapport kien lest qabel ma ġie aġġornat il-Parlament, il-Prim Ministru ltaqa’ mal-Kumitat biss wara li aġġorna l-Parlament. Huwa mbagħad uża dan bħala skuża sabiex jiġġustifika l-prokrastinazzjoni tiegħu fil-pubblikazzjoni tar-rapport.

Il-Kumitat twaqqaf wara l-Inkjesta Pubblika dwar iċ-ċirkostanzi tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, li r-rapport tiegħu huwa parti mill-ħidma meħtieġa biex jiġu rimedjati l-fallimenti fis-sistemi li ppermettew il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. L-inkjesta pubblika kienet ikkonkludiet li:

“[…] l-Istat għandu jerfa’ r-responsabbiltà għall-assassinju għax ħoloq atmosfera ta’ impunità ġġenerata mill-ogħla livelli fil-qalba tal-amministrazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru li bħal qarnita nfirxet għal entitajiet oħra.”

Il-proċess wiesa’ ta’ riforma li huwa meħtieġ biex jinħoloq ambjent abilitanti għall-ġurnaliżmu ta’ interess pubbliku, jinqeda bl-aħjar mod mit-trasparenza u l-verità, u mhux mill-opaċità u l-falsità tal-proċess, kif jixhdu wkoll id-dikjarazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Fl-interess li joħorġu l-verità, l-Media Reform Initiative vverifikaw d-dikjarazzjoni tal-OPM u mmarkaw id-dikjarazzjonijiet qarrieqa u foloz li tinkludi.