Lokali

Il-ministri m’għandhomx jużaw attivitajiet uffiċjali biex jippromwovu lilhom infushom

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kkonkluda li jkun ksur ta’ etika jekk ministru jew segretarju parlamentari jinqeda b’attività uffiċjali tal-ministeru tiegħu biex jippromwovi lilu nnifsu.

Il-Kummissarju għall-Istandards wasal għal din il-konklużjoni wara li kkunsidra ilment kontra s-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said talli allegatament stiednet lill-impjegati tal-ministeru tagħha biex jattendu attività politika organizzata minnha. Fl-ilment ġie allegat ukoll li hi daħlet f’kunflitt ta’ interess għax organizzat l-attività bl-għajnuna tal-industrija tat-tonn, li hija regolata minnha.

Irriżulta madankollu li l-attività kienet waħda uffiċjali organizzata bħala teambuilding għall-impjegati tal-ministeru. Għalkemm l-attività kienet tinvolvi żjara lill-fish farms, l-uniku kontribut tal-operaturi f’dan il-qasam kien li wasslu l-parteċipanti mix-xatt sal-fish farms u taw spjegazzjoni dwar kif joperaw.

Għalhekk il-Kummissarju sab li ma kienx hemm kunflitt ta’ interess min-naħa ta’ Alicia Bugeja Said, iżda hija xorta kommettiet ksur ta’ etika għaliex użat isimha u l-logo politiku tagħha fil-poster li bagħtet lill-impjegati tal-ministeru sabiex tinformahom dwar l-attività. Il-Kummissarju informa lill-Alicia Bugeja Said li jekk tuża isimha fil-pubbliċità għal xi attività uffiċjali, dan jagħti x’jifhem li hija qed tipprova tagħmel gwadann billi tieħu l-kreditu għal dik l-attività f’għajnejn il-pubbliku. Sitwazzjoni bħal din għandha tiġi evitata.

Il-Kummissarju għalhekk talab lill-Alicia Bugeja Said tibgħat apoloġija u tintrabat li dan ma jerġax jiġri. Hija wieġbet b’ittra fejn skużat ruħha u ntrabtet li din l-okkorrenza ma terġax tirrepeti ruħha fil-futur. Abbażi ta’ din l-apoloġija, il-Kummissarju għalaq il-każ taħt l-artikolu 22(5) tal-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika. Dan l-artikolu jagħti s-setgħa lill-Kummissarju li jagħlaq każ jekk ma jkunx ta’ natura gravi u l-persuna investigata tirrimedja l-ksur ta’ etika b’mod li l-Kummissarju jqis adegwat.