Il-Qorti laqgħet it-talba tal-Partit Nazzjonalista biex tisma’ b’urġenza l-kawża kostituzzjonali li nfetħet kontra l-PBS u l-Awtoritá tax-Xandir. L-Imħallef Wenzu Mintoff iddekreta l-kawża għal nhar it-Tnejn, 25 ta’ Settembru bil-proċeduri jibdew jinstemgħu f’11.40 am.
L-Avukat Paul Borg Olivier, f’isem il-PN qal li huwa se jsejjaħ bejn erba’ u ħames xhieda li jinkludu lil Frank V Farrugia, Chairman tal-Awtorità tax-Xandir u Charles Dalli – CEO tal-PBS. Dr. Borg Olivier insista li noralment każijiet fuq ix-xandir dejjem jinstemgħu b’urġenza u sostna li l-Awtorità tax-Xandir qatt ma tagħti rimedju għal ksur li jseħħ minn naħa tax-xandir pubbliku.
Il-kawża kienet ġiet ippreżentata mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino flimkien mal-avukati Paul Borġ Olivier u Francis Żammit Dimech. Il-PN fil-kawża tiegħu qed jgħid li huwa d-dritt taċ-ċittadin li jingħata informazzjoni bilanċjata fuq il-mezzi tax-xandir dwar ħwejjeġ ta’ kontroversja politika jew industrjali, jew li jirriferixxu għal policy pubblika korrenti.
Il-kawża ġiet ippreżentata wara li minkejja l-Awtorità tax-Xandir laqgħet l-ilment tal-PN rigward ċ-ċensura minn naħa tax-xandir nazzjonali, xorta saret kompliċi fiċ-ċensura mal-PBS dan għaliex naqset milli tagħti rimedju effettiv lil PN li ressaq l-ilment.
Is-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino qed jilmenta mill-fatt li huwa inaċċettabbli illi l-Awtorità tax-Xandir tkun kompliċi mal-PBS meta tonqos illi tieħu miżuri meħtieġa biex tassigura verament bilanċ tax-xandir. Fost diversi talbiet illi qed jiġu ppreżentati, l-PN qed jitlob lill-qorti biex tiddikjara li bl-aġir tagħha Awtorita’ tax-Xandir naqset milli tassigura li tiġi miżmuma imparzjalità xierqa dwar diversi ħwejjeġ.
Fl-istess waqt il-PN sofra diskriminazzjoni li affettwati d-drittijiet tal-Partit Nazzjonalista. Intant il-PN ħa l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassigura li l-poplu jkollu d-dritt tiegħu mħares illi jirċievi l-informazzjoni meħtieġa kif jixraq f’demokrazzjija vera.
Il-Partit Nazzjonalista sostna li fil-kawża kostituzzjonali qed jitlob biex kulħadd jerfa’ r-responsabbiltà ta’ għemilu u jkun żgurat li l-iżbilanċ fix-xandir tal-istat ma jibqax għaddej. L-Avukati Paul Borg Olivier u Francis Zammit Dimech qed jassistu lill-PN. Il-Professur Ian Refalo u l-avukat Mark Refalo qed jassisti lill-Awtorità tax-Xandir filwaqt li l-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo qed jidhru għall-PBS.
Sentenza simili mogħtija f’Awwissu tas-sena l-oħra kienet laqgħet it-talba tal-Partit Nazzjonalista u ddikjarat li l-Awtorità tax-Xandir naqset milli tassikura li tinżamm imparzjalità dwar ħwejjeġ ta’ kontroversja politika.
Kif kienet ġusta d-deċiżjoni tagħha li m’aġġixxitx b’ħeffa meta x-Xandir Nazzjonali, l-PBS għal żmien konsiderevoli naqset li tobdi l-ordni tagħha fil-każ tax-xandira dwar il-flyover tal-Marsa. Dan kien spjegat b’mod ċar f’rikors li għamel il-Partit Nazzjonalista wara l-appell li sar mill-Awtorità u l-PBS li sabithom ħatja li naqsu fil-konfront tal-PN.