Internazzjonali

L-Għargħar fil-Libja: Il-baħar ikompli jtella l-katavri fost ix-xeni apokalitiċi

L-awtoritajiet fil-Libja – proprju ġimgħa wara l-għargħar devastanti li ħalla ‘apokalissi’ sħiħa f’Derna u bnadi oħra tal-lvant –għadhom qed jirkupraw il-katavri tan-nies li mietu fost il-gliegel tal-ilma li faqgħu medda straordinarja ta’ territorju.

Dan meta l-mejtin qed jinstabu fuq il-bajjiet madwar zona ta’ kważi sebgħin mil; bl-iskwadri għall-emerġenzi lokali u barranin qegħdin jgħinu biex itaffu t-trawma tan-nies li għexu mit-traġedja. Intant, għad hemm ix-xkiel notevoli għall-movimenti tal-ikel, mediċini u affarijiet essenzjali oħra lejn il-bnadi ta’ Derna li ġarrbu l-akbar impatt tal-għargħar dovut għall-Maltempata Daniel.

Magħruf li eluf ta’ nies mietu fi kwistjoni ta’ sigħat wara li l-inżul tax-xita minn ‘Daniel’ ikkaġuna l-għargħar li fost oħrajn faqa’ żewġ digi – bil-mewġ tal-ilma, sussegwentement, ikaxkru d-djar kważi kollha fil-belt ta’ Derna u l-madwar.

L-awtoritajiet Libjani u barranin anki qed jirrevedu kontinwament l-ammont tal-vittmi f’din it-traġedja u meta s-Sindku ta’ Derna jemmen li l-mejtin għandhom jiżdiedu minn siegħa għal siegħa. Dan meta għad iridu jingħataw iċ-ċifri uffiċjali tal-vittmi, bil-konferma finali — ikkalkulata bl-eluf — mistennija ddum ħafna ma tingħata.

Aktar ma jgħaddu sigħat aktar qed jippreżentaw ruħhom nies li qed jirrakkuntaw ix-xeni tal-waħx waqt l-eqqel tal-għargħar. Dan meta ħafna minn dawn in-nies qalu li ‘raw b’għajnejhom lill-għeżież, fosthom tfal, jitkaxkru mill-ilma u fejn ma dehru qatt aktar’.

Fl-istess ħin, hemm  sens ta’ rabja għan-nuqqasijiet tal-awtoritajiet Libjani preżenti u tar-reġim preċedenti li, fost oħrajn, qatt ma introduċew sistemi ta’ twissija effiċjenti għal waqt sitwazzjonijiet ta’ diżastru fuq skala hekk enormi. Dan waqt li żdiedu l-akkużi fis-sens li kienu jmutu ħafna anqas nies li kieku l-awtoritjiaet Libjani ħarġu t-twissijiet pubbliċi għall-evakwazzjonijiet tan-nies fis-sigħat qabel il-pajjiż intlaqat mill-Maltempata Daniel.

U waqt li għexieren ta’ eluf ta’ Libjani qed jiffaċċjaw futur mill-aktar inċert, kien ikkonfermat li talanqas 30,000 spiċċaw jitilfu djarhom fl-għargħar, bl-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni tan-Nazzjonjiet Uniti twissi dwar l-epidemiji tal-mard potenzjali b’kaġun tal-ilma mniġġeż fl-artijiet lejn il-Lvant tal-Libja

Min-naħa tiegħu, Martin Griffiths, is-Sotto-Segretarju tan-NU għall-Affarijiet Umanitarji, qal li l-akbar sfida għall-missjonijiet ta’ fejda tinvolvi l-proviżjoni tal-ikel u l-kura tas-saħħa adewkata għal-Libjani li tilfu kollox fl-għargħar. Dan meta hemm anki ħtieġa urġenti għal tined u mezzi oħra li jipprovdu ammont ta’ kenn għall-eluf tal-familji,.

Sfida oħra, imbagħad, tinvolvi l-isforzi għal koordinazzjoni effettiva bejn l-iskwadri barranin għall-emerġenzi u l-awtoritajiet Libjani–  fost l-impenn biex huma jiffissaw il-vera skala u konsegwenzi tad-diżastru.