Budget 2024 Lokali

L-MCESD jippreżentaw 80 proposta bi tħejjija għall-Budget 2024

F’laqgħa tal-MCESD, l-imsieħba soċjali ppreżentaw il-prijoritajiet u l-proposti tagħhom għall-Budget 2024.

Ġie spjegat li l-proposti tal-imsieħba soċjali ġew miġbura f’14-il kategorija tematika, b’total ta’ 80 miżura. Il-membri tal-Kunsill ġew imħeġġa joffru l-perspettivi tagħhom dwar is-sinifikat u l-livelli ta’ prijorità ta’ dawn il-miżuri, biex jiżguraw li jkun hemm kunsens fost l-istakeholders kollha: il-unions, min iħaddem, il-Kumitat tas-Soċjetà Ċivili, u l-Kumitat Reġjonali ta’ Għawdex.

L-MCESD iddekriva l-laqgħa li saret bħala okkażjoni importanti għall-futur tal-pajjiż, bl-imsieħba soċjali ressqu proposti konkreti fl-interessi nazzjonali.

Din il-laqgħa bejn l-imsieħba soċjali u l-Gvern għandha tirrappreżenta pass sinifikanti fil-proċess tat-tiswir tal-Budget għall-2024, isservi bħala eżempju ewlieni tal-irwol importanti tad-djalogu soċjali u l-kollaborazzjoni fost l-imsieħba soċjali biex jiġi żgurat li l-Budget jindirizza l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tal-poplu Malti u Għawdxi.

Diversi unions u korpi kostitwiti diġa’ ppreżentaw il-proposti tagħhom lill-Gvern għall-Budget 2024.

Fost dawn kien hemm l-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu fejn fakkret fil-ħtieġa tar-raba’ vapur u l-bżonn immedjat ta’ pjan reġjonali għal Għawdex. L-Assoċjazzjoni għażlet li tiffoka fuq proposti għal konnettività aħjar bejn iż-żewġ gżejjer, il-ħarsien tal-ambjent, it-tisħiħ tal-prodott turistiku.

Kien hemm ukoll l-Għaqda tal-Pensjonanti li qalet li l-Budget għandu jinkludi ż-żieda tal-Pensjoni Minima Nazzjonali sabiex persuna tgħix b’mod dinjituż u ma tibqax aktar f’riskju ta’ faqar.