llum fis-Centenary Stadium jingħata bidu għall-Kampjonat BOV Premier 2023/24 fejn fl-ewwel konfront tal-ewwel ġurnata, Marsaxlokk jiltaqgħu kontra Naxxar Lions.
Fost il-partiti interessanti fl-ewwel ġurnata jispikkaw iż-żewġ partiti tas-Sibt fl-Istadium Nazzjonali fejn fl-ewwel waħda fis-6pm ċ-champions Ħamrun Spartans jiltaqgħu kontra Balzan filwaqt li fit-8:15pm Gżira United jaffrontaw lil Hibernians.
Marsaxlokk vs Naxxar Lions | Illum fis-7pm fis-Centenary Stadium
Il-partita li se tiftaħ il-Kampjonat BOV Premier 2023/24 hija dik tal-lejla bejn Marsaxlokk u wieħed mit-timijiet neo-prmossi Naxxar Lions.
Ix-Xlukkajri l-istaġun li għadda, fir-ritorn tagħhom mal-kbar wara diversi snin, għalkemm spiċċaw fin-naħa t’isfel tal-klassifika, wieħed jista’ jgħid li kellhom staġun pożittiv u minbarra li laħqu t-tragward tagħhom, dak li jsalvaw posthom fil-Premier, issorprendew ukoll meta waslu sal-finali tal-FA Trophy. Dan l-istaġun Marsaxlokk se jkunu qed jitmexxew mill-kowċ Winston Muscat, mgħejjun minn Nikolai Filipov, li ma’ Muscat ħadem anke ma’ Sirens. Marsaxlokk għamlu numru ta’ akkwisti dan l-istaġun bl-aħħar wieħed li ħabbru kien l-eks attakkant ta’ Mosta Sunday Akinbule.
Naxxar minn naħa l-oħra jirritornaw fl-ogħla diviżjoni wara ħames snin. Immexxija minn George Vella, il-Lions se jkollhom biċċa xogħol mhux ħażin biex iżommu posthom mal-kbar anke minħabba l-fatt li din is-sena se jkunu erbgħa t-timijiet li se jiġu relegati. Fost il-plejers ġodda ta’ Naxxar insibu lill-Ġappuniż Takuma Yamaguchi li żgur kull min hu nvolut fil-klabb, inkluż il-partitarji se jkunu qed jittamaw li l-wirjiet ta’ dan il-plejer ikunu mill-aqwa hekk kif l-istaġun li għadda wera li hu fost l-aqwa barranin f’pajjiżna.
Ħamrun Spartans vs Balzan | Għada fis-6pm fl-Istadium Nazzjonali
Iċ-champions renjanti Ħamrun Spartans jibdew jiddefendu t-titlu kontra Balzan, partita li tista tkun waħda antipatika għat-tim immexxi mit-Taljan Luciano Zauri.
Waqt u wara l-esperjenza ta’ Ħamrun fl-Ewropa din is-sena, ħafna kienu dawk li taw opinjonijiet differenti dwar l-iskwadra u l-akkwisti tal-Ispartans. Min qal li l-iskwadra naqqset mis-saħħa tal-istaġun li għadda, min qal li t-tneħħijja ta’ Branko Nisevic kien żball u kien hemm anke min irraġuna li wieħed irid jagħti ftit ċans il-plejers joqgħodu. Imsomma li hu żgur hu li Ħamrun se jkun it-’team to beat’ u li l-partitarji Ħamruniżi se jkunu qed jippretendu li jerġgħu jirbħu l-kampjonat u anke aktar.
Balzan minn naħa taghħom għandhom il-kwalitiajiet biex iwettqu l-ewwel diżappunt lill-Ispartans b’diversi akkwisti ta’ livell, fosthom l-eks Jake Grech u barranin oħra ta’ livell li ingħaqdu mat-tim dan is-sajf. Bla dubju li rebħa għal Balzan fl-ewwel konfront tkun qed tibgħat messaġġ li t-tim ta’ Anton Tagliaferro jinsab lest biex jisfida għall-unuri dan l-istaġun.
Żewġ rebħiet għal Ħamrun fuq Balzan l-istaġun li għadda, bl-ewwel waħda tkun dik ta’ 1-0 filwaqt li mbagħad Ħamrun kisbu rebħa komda ta’ 4-0 f’April.
Gżira United vs Hibernians | Għada fit-8:15pm fl-Istadium Nazzjonali
Jekk il-konfront bejn Ħamrun u Balzan huwa wieħed interessanti, l-istess hija l-partita ta’ wara fl-Istadium Nazzjonali bejn Gżira United u Hibernians.
Il-Maroons dan l-istaġun neħħew l-aqwa elementi li kellhom l-istaġun li għadda iżda s’issa minn dak li rajna fil-logħob Ewropew, jekk il-prestazzjonijiet ikunu simili Gżira jistgħu jerġgħu minn tal-inqas jisfidaw għal post mal-ewwel erbgħa, tragward li laħquħ tliet darbiet fl-aħħar ħames staġuni.
Hibernians ukoll għamlu bidliet drastiċi wara li l-istaġun li għadda kien wieħed diżappuntanti. Żgur li bi Branko Nisevic fit-tmexxija, il-Pawlisti jistgħu jispiraw f’pożizzjoni aħjar fil-klassifika, iżda wieħed irid jara l-akkwisti tal-barranin ġodda x’se jsarrfu flimkien mal-effett tat-tluq ta’ Jake Grech u Dunstan Vella f’nofs il-ground.
L-istaġun li għadda Gżira rebħu l-ewwel konfront kontra Hibernians 2-1 filwaqt li fit-tieni round il-partita spiċċat fi draw ta’ mingħajr gowls.
Birkirkara vs Sliema Wanderers | Il-Ħadd fit-8:15pm fl-Istadium Nazzjonali
Birkirkara fl-ewwel ħarġa fil-kampjonat jiltaqgħu kontra t-tim l-ieħor promoss miċ-Challenge League Sliema Wanderers.
Avventura qasira kienet dik tal-Istripes fl-Ewropa hekk kif huma sfaw eliminati fl-ewwel round minn NK Maribor tas-Slovenja. Madankollu dan ma jfissirx li Birkirkara m’għadux tim validu u li jista’ jkun ta’ sfida għall-ogħla postijiet fil-klassifika. Tedesco se jkollu element b’saħħtu nieqes dan l-istaġun bl-isem ta’ Enzo Cabrera iżda se jkun qed jittama li l-eks Gżira United Maxuell maia jilħaq il-livelli li kellu qabel ma weġġa l-istaġun li għadda u jkun l-attakkant prolifiku li nafuħ.
Sliema mill-banda l-oħra bla dubju li l-ewwel tragward tagħhom se jkun li jibqgħu fil-Premier biex imbagħad ikomplu jibdu skwadra li tkun denja tal-isem glorjuż tal-klabb, wieħed mill-aktar li klabbs li rebaħ unuri f’pajjiżna.
Minbarra l-akkwisti li għamlu, Sliema għandhom lil Paul Zammit fit-tmexxija, u min jaf lil Zammit jaf li dan qatt ma jinżel biex jikseb xi draw minn konfront, irrelevanti l-avversarju, u hekk se jkun qed jagħmel kontra Birkirkara fl-ewwel logħba.
Santa Lucia vs Floriana | Il-Ħadd fis-6pm fit-Tony Bezzina Stadium.
Fl-ewwel logħba tal-Ħadd fit-Tony Bezzina Stadium, Santa Lucia jiltaqgħu kontra Floriana.
Aspettativa kbira mill-partitarji tas-Saints dan l-istaġun li qed jittamaw li l-ħidma tal-amministrazzjoni dan is-sajf issarraf f’wirjiet aħjar minn dawk li kellhom fl-aħħar żewġ staġuni fejn fl-2021/22 ma’ waqgħux minħabba li rtiraw Pembroke Athleta filwaqt li l-istaġun li għadda salvaw bi play-off.
L-ewwel konfront tagħhom se jkun kontra tim ieħor li l-ambjent tiegħu huwa wieħed entużjast hekk kif Floriana għollew l-aspettativa bil-ħatra ta’ Camoranesi bħala kowċ. Il-Greens għandhom rekord tajjeb kontra Santa Lucia hekk kif mill-aħħar tmien logħbiet rebħu erbgħa ġew draw darbtejn u tilfu darba.
L-istaġun li għadda Floriana rebħu darbtejn kontra Santa Lucia bl-ewwel rebħa tkun bl-iskor ta’ 1-0 filwaqt li fit-tieni logħba ħarġu rebbieħa 2-0
Valletta vs Sirens | Il-Ħadd fit-8pm fit-Tony Bezzina Stadium
Valletta jilagħbu eżatt wara r-rivali Floriana fit-Tony Bezzina Stadium kontra Sirens.
Bħal Floriana, huwa importanti li Valletta jibdew dan l-istaġun fuq nota pożittiva u bi tliet punti li jerġgħu jibdew iqajmu sens ta’ entużjażmu u pożittività, kemm f’dawk li jaħdmu fil-klabb kif ukoll fil-partitari passjonali tagħhom. L-amministrazzjoni ħadmet qatiegħ fis-sajf biex ikollha l-aqwa skwadra possibli u issa huwa f’idejn il-plejers li jsarrfu l-fiduċja mogħtija lilhom f’riżultati mixtieqha.
Sirens minn naħa l-oħra daqxejn ta’ kaxxa magħluqa hekk kif ftit nafu dwar il-plejers li waslu mingħand iċ-champions tal-Ghana, iżda li hu żgur hu li dan l-istaġun iridu jaqdfu mhux ħażin biex jevitaw iż-żona l-ħamra.
L-ebda rebbieħ fiż-żewġ logħbiet l-istaġun li għadda fejn fl-ewwel konfront il-logħba spiċċat fi draw ta’ 3-3 filwaqt li t-tieni logħba spiċċat fi draw ta’ mingħajr gowls.
Mosta vs Gudja United | Il-Ħadd fit-8:15pm fl-Istadium Nazzjonali
L-ewwel ġurnata tal-kampjonat tingħalaq bil-konfront bejn Mosta u Gudja United.
Mosta ukoll xi ftit ta’ kaxxa magħluqa u dubju jekk hux se jerġgħu jkunu dak it-tim li jagħti sfida lil kulħadd bħalma kienu staġun ilu. In-nuqqas ta’ Christ Ememe, Chidera Okoh, Roderick Briffa u Boubakary Diarra jista’ jkun ta’ detriment għat-tim immexxi minn Mario Muscat u Joe Grech li minn naħa l-oħra mbagħad akkwistaw numru ta’ Afrikani oħra u l-attakkant ta’ esperjenza Jean Paul Farrugia.
L-avversarji ta’ Mosta fl-ewwel logħba huma Gudja United ta’ Jesmond Zammit li ukoll se jkollu sfida għat-tela’ hekk kif huma żammew biss ftit mill-plejers li kellhom l-istaġun li għadda u se jkunu qed jiddependu fuq l-esperjenza ta’ plejers bħal Matias Muchardi, Walter Serrano, Arthur James u John Mintoff. Huma akkwistaw barranin mill-Italja, l-Kolombja u l-Brażil filwaqt li reġgħu akkwistaw b’self lill-attakkant promettenti ta’ Ħamrun Spartans Shaisen Attard.
L-istaġun li għadda Gudja kienu l-’bogey team’ ta’ Mosta hekk kif rebħulhom darbtejn bi skor identiku ta’ 2-1.
//= $special ?>