Id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji kkonkluda li l-każ fil-konfront ta’ Carmen Ciantar, l-id il-leminija ta’ Chris Fearne, issa huwa magħluq u l-investigazzjoni fil-konfront tagħha se tieqaf. Dan jikkonferma dak li qalet hi – li xi persuni pprovaw joskuraw lilha biex iwettqu frame-up fuq Chris Fearne. Filwaqt li jikkonferma wkoll il-ġlied intern li għaddej fil-Partit Laburista, u li Ciantar stess irreferiet għalih bħala parti mill-“forzi tad-dlamijiet”.
Net News għandu f’idejh ittra (ritratt fuq) maħruġ mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji li permezz tagħha infurmaw lil Carmen Ciantar li l-investigazzjoni se jieqaf hawn.
Ciantar kienet ilha tinsisti li t-tajn li ntefa’ fuqha kien intiż biss sempliċiment biex hi tkun vittma ta’ kampanja maħmuġa biex tkisser ir-reputazzjoni tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne; xi ħaġa li la l-Labour u lanqas Robert Abela qatt ma ċaħdu.
Ciantar ilha qrib il-Ministru Fearne mill-2017 fejn kienet ħadmet fil-kampanja tiegħu għal Deputat Leader tal-Labour.
Carmen Ciantar kienet issospendiet lilha nnifisha mill-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-FMS, u ċaħdet l-allegazzjonijiet li ħarġu minn rapport fil-media tal-Pakistan, illi hi aċċettat €443,500 minn Gozo International Medicare Ltd li tofforma parti mill-grupp VGH. Ftit tal-ġimgħat wara hija reġgħet irritornat fl-istess pożizzjoni.
Carmen Ciantar kienet qalet li x-xhieda tagħha huwa l-ewwel pass sabiex tnaddaf ismiha, filwaqt illi sostniet li kienet qed tistenna li ssir ġustizzja magħha u ma’ dawk kollha involuti f’dan l-allegat frame-up. Wara li kienu ħarġu dawn l-allegazzjonijiet li fi kliem Ciantar dejjem twettqu bil-għan li jkissru r-reputazzjoni ta’ Chris Fearne.
Hi kienet bagħtet ittra lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa biex jinvestiga l-allegazzjonijiet – filwaqt li xi jiem wara kienet reġgħet bagħtet ittra oħra lill-Kummissarju titolbu jinvestiga l-allegazzjonijiet fil-konfront tagħha “b’mod immedjajt” .. sabiex jinqabdu dawk li hi irreferiet għalihom bħala “il-forzi tad-dlamijiet” illi kienu l-moħħ wara dak kollu li ħareġ.
Carmen Ciantar resqet ukoll rikors fejn talbet li tixhed dwar l-allegazzjonijet fil-konfront tagħha. Ciantar dejjem kienet assistita mill-Avukat Vince Micallef f’dawn il-proċeduri.
//= $special ?>