Lokali

Robert Abela jametti li ħeba lill-poplu u jfarfar mir-responsabbiltà

Din kienet inizjattiva ta’ individwi privati – u mhux xi ħaġa li kellhom x’jaqsmu magħha Kastilja jew il-Partit Laburista.

Saħaq dan Robert Abela l-Ġimgħa filgħodu f’Għawdex meta mistoqsi minn Net News dwar min se jkun qed jerfa’ responsabbiltà politika b’rabta mar-racket ta’ frodi mill-benefiċċji soċjali…..fejn allegatament wieħed mill-imħuħ wara dan kollu kien l-eks Deputat Laburista Silvio Grixti.

Bosta esperti, opinjonisti, mexxejja ta’ unions u assoċjazzjonijet, kif ukoll ngo’s qed jiddeskrivu dan l-aħħar skandlu Laburista bħala serq fil-wiċċ mill-bwiet tal-vulnerabbli; racket ta’ xiri ta’ voti u kirminalita istituzzjonalizzata li tlaħħaq livelli xokkanti.

Diversi persuni taħt ġurament fil-Qorti ammettew li kienu parteċipi f’din l-iskema…għax hekk qalulhom jagħmlu. Dan filwaqt li l-ġurnal Times of Malta żvela evidenza ta’ min jorbot fuqha fejn bosta persuni spjegaw li nies qrib il-Partit Laburista jew saħansitra persuni fil-Customer Care ta’ Kastilja kienu rreferewhom għal għand Silvio Grixti biex jaqdihom.

Min din l-iskema mijiet ta’ persuni ibbenefikaw minn flejjes tal-benefiċċji soċjali li ma kienux intitolati għalihom – grazzi wkoll għall-falsifikazzjonijiet ta’ firem. Fosthom tal-President tal-MAM, Martin Balzan…bit-tabib Balzan jiddeskrivi dan kollu bħala għanqbuta kbira u kriminalità organizzata.

Fost il-persuni li ssemmew mill-OPM kien hemm Sandro Craus, is-Sindku attwali tar-Rabat u ħaddiem f’entita tal-Gvern bħala Chief Officer Business Development. L-istess Craus li qed jaffaċċja akkużi kriminali b’rabta mal-impjieg fantażma ta’ Melvin Theuma.

Iżda skont Robert Abela …. dan l-iskandlu tal-benefiċċji huwa distakkat mil-Labour.

Tant hu hekk li kull ma kellu għal Ministru Michael Falzon kien biss kliem ta’ tifħir, u Abela ma jemminx li għandu jieħu passi fil-konfront tiegħu; minkejja li kien hu l-bniedem responsabbli u li allegatament kollox sar mingħajr l-għarfien tiegħu.

Li huwa ċert hu li fil-Kampanja Elettorali tal-2022 Robert Abela kien jaf b’dan is-serq u li allegatament kien hemm involut tal-inqas Deputat minn tiegħu… iżda hu għoġbu jaħbi lill-poplu ….li flusu kienu qed jinsterqu, allegatament minn niesu stess.

Dan għaliex Abela ta x’jifhem li ħeba lin-nies b’li kien qed jiġri….sempliciment għaliex il-ġurnalisti ma staqsewhx.