Lokali

It-Teatru Manoel iniedi sit elettroniku ġdid

Għall-ewwel darba fl-istorja tat-Teatru Nazzjonali s-sit elettroniku se jkun bilingwali.

Teatru Manoel għadu kemm nieda sit elettroniku ġdid u għall-ewwel darba fl-istorja tat-teatru, is-sit huwa bilingwali. Din hija wkoll l-ewwel darba li s-sit ingħata dehra ġdida minn meta l-Manoel nieda s-sit oriġinali.

Is-sit elettroniku hu ddissinjat bil-klijenti tiegħu fil-ħsieb, b’rispett lejn il-wirt storiku tat-teatru u aktar importanti, b’avvanzi diġitali u assigurazzjoni għall-aqwa esperjenza għall-udjenzi kemm fil, u lil hinn mill-awditorju. Għalhekk inħasset il-ħtieġa li waħda mill-aktar għodod importanti għalina tingħata dehra u interface ġodda.

www.teatrumanoel.mt tiġi b’kalendarju ġdid li juri b’mod ċar meta qed jittellgħu l-avvenimenti, u l-funzjonalitajiet tat-tiftix iħalluk tagħżel il-ġeneru, dati u postijiet mixtieqa. Il-paġna tat-tagħlim u parteċipazzjoni tjiebet biex toħloq esperjenza aqwa għat-tfal u żgħażagħ li huma l-udjenza prinċipali tal-programm TOI TOI tat-Teatru Manoel. Il-paġna se jkollha wkoll riżorsi relatati mal-produzzjonijiet ta’ TOI TOI li jistgħu jitniżżlu, bħal resource packs li jħeġġu lill-udjenzi żgħar biex jaħsbu b’mod kritiku dwar is-suġġetti ppreżentati lilhom.

Is-sit elettroniku se jkollu aġġornamenti regolari dwar il-produzzjonijiet li jkunu ġejjin, informazzjoni minn wara l-kwinti, u aktar. Il-paġna l-ġdida tal-‘Opportunitajiet’ se tkun spazju ddedikat għal sejħiet miftuħa u offerti ta’ xogħol fit-Teatru Manoel. Sejħiet għall-awdizzjonijiet huma essenjali għax-xogħol kreattiv tat-teatru, iżda huma daqstant importanti għal artisti interessati li jaħdmu mat-teatru. Il-paġna se tagħmilha ħafna iktar faċli biex l-artisti jaraw x’opportunitajiet hemm.

Bl-introduzzjoni tal-verżjoni bil-Malti tas-sit elettroniku, Teatru Manoel huwa ddedikat li jagħmel is-sit elettroniku aktar aċċessibbli għall-klijenti kollha. Sezzjoni oħra li ġiet introdotta hija dik tal-‘kurżitajiet’, li taqsam fatti interessanti dwar l-istorja tat-Teatru. Għal fatti storiċi aktar elaborati tat-Teatru Manoel, wieħed jista’ jżur it-timeline storiku fil-paġna ‘Dwarna’. Hawnhekk, il-viżitaturi tas-sit jistgħu jaċċessaw anke informazzjoni dwar servizzi oħra li joffri t-Teatru Manoel.

Inħeġġu lill-pubbliku iżur www.teatrumanoel.mt biex jesperjenzaw is-sit elettroniku l-ġdid, filwaqt li jiskopru x’inhu ġej fl-istaġun teatrali ġdid.