Koalizzjoni wiesgħa ta’ NGOs u ċittadini qed jerġgħu jtennu t-talba tagħhom biex titrażżan l-attività kummerċjali eċċessiva fil-Blue Lagoon sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni mhux sostenibbli fil-preżent f’Kemmuna. L-ammont esaġerat ta’ attività kummerċjali marbuta mat-turiżmu tal-massa qed iwassal għal rata mgħaġġla ta’ degradazzjoni ambjentali ta’ dan is-sit Natura 2000 u qed jirfes fuq id-dritt tal-poplu li jgawdi din il-gżira riżerva unika.
Fost it-talbiet li kienu ġew imressqa s-sajf li għadda waqt il-protesti li kienu sabu appoġġ mifrux mill-pubbliku, l-għaqdiet sejħu għall-projbizzjoni ta’ dgħajjes kbar kummerċjali li jġorru lit-turisti fuq il-ġiti madwar il-gżejjer Maltin, u li jbiddlu lill-Blue Lagoon fi spazju kkonġestjonat u miżgħud biż-żibel f’temp ta’ ftit minuti.
Barra minn hekk, huwa ta’ tħassib sinifikanti li l-Gvern qed iwebbes rasu u jirrifjuta li jippubblika r-riżultati tal-istudju dwar l-ammont ta’ persuni li tiflaħ għalihom Kemmuna u l-Blue Lagoon, liema studju ġie diġà kkummissjonat mill-ERA.
Il-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo riċentament stqarr li ma jistax isir studju dwar l-ammont ta’ persuni li jiflaħ għalihom l-Blue Lagoon qabel ma jiġu kkunsidrati l-bidliet li seħħu dan is-sajf fir-rigward tal-immaniġġjar taż-żona. Dan juri kif il-Ministru Bartolo m’għandux idea x’inhu studju li jevalwa l-intensità li sit partikolari jkun jista’ jiflaħ għaliha. Minn meta ġie ppubblikat il-pjan ta’ ġestjoni tal-gżira, in-numru ta’ viżitaturi li jżuru l-Blue Lagoon kuljum żdied, u mhux naqas; l-ammont żdied minn 5000 kuljum fl-2016 għan-numru xokkanti ta’ 8000 ruħ kuljum dan is-sajf. Aħna qed nitolbu li jiġu ppubblikati r-riżultati ta’ dan l-istudju sabiex il-pubbliku jkun jista’ jifhem x’suppost qegħdin jagħmlu l-awtoritajiet biex jimmaniġġjaw it-turiżmu f’Kemmuna kif xieraq.
Nistgħu niċċelebraw l-fatt li l-pressjoni pubblika li saret is-sajf li għadda rnexxielha twassal biex jitneħħew darba għal dejjem id-deckchairs minn fuq il-moll u l-bajja, jitnaqqas in-numru ta’ deckchairs permessi b’mod ġenerali, u jiġi mtejjeb il-ġbir tal-iskart. Madankollu, nibqgħu nisħqu fuq it-talba tagħna li mhux aċċettabbli li operatur tad-deckchairs jitħalla jimxi bl-operat tiegħu għal żona oħra li qabel ma kinetx tintuża għal dan il-għan, u li dan ma jistax ikun konformi mal-pjan ta’ ġestjoni ta’ Kemmuna bħala sit ta’ Natura 2000. L-ERA u l-Ministeru tal-Ambjent Miriam Dalli żammew għalkollox siekta quddiem dawn in-nuqqasijiet kollha li saru taħt ir-responsabbiltà tagħhom.
L-għaqdiet fakkru wkoll lill-Ministri Bartolo u Dalli li n-numru ta’ deckchairs ma kinetx l-unika talba li ġiet imressqa s-sena l-oħra. Ma nistgħux ma nsemmux kif in-numru ta’ kiosks fil-Blue Lagoon sploda. F’dawn l-aħħar snin kien hemm saħansitra sa 11-il kiosk joperaw fl-istess żmien. Nistgħu ngħidu l-istess għan-numru ta’ dgħajjes kummerċjali kbar li jirmiġġaw u jniżżlu t-turisti fil-Blue Lagoon.
Għalhekk, nerġgħu ntennu t-talbiet tagħna li:
- Dgħajjes kbar li jġorru mijiet ta’ turisti lejn Kemmuna għandhom jiġu pprojbiti;
- In-numru u d-daqs tal-kiosks għandu jiġi mnaqqas b’mod drastiku;
- Il-mużika tgħajjat mill-kiosks u d-dgħajjes u l-ġeneraturi storbjużi jridu jiġu mwaqqfa;
- Għandha tiġi kkontrollata l-attività kummerċjali kollha madwar il-Blue Lagoon b’tali mod li titħalla topera biss abbażi ta’ permessi, b’regoli stretti dwar l-attivitajiet permessi u l-ġestjoni tal-iskart.
Għaqdiet:
- BirdLife Malta
- Din l-Art Ħelwa
- Flimkien għal Ambjent Aħjar
- Friends of the Earth Malta
- Għawdix
- Moviment Graffitti
- Nature Trust Malta – FEE
- Ramblers Association Malta