Futbol Sport

Futbol Ingliż: Man City jfittxu l-ħames rebħa għand West Ham

Wara l-waqfa minħabba l-impenji tat-timijiet nazzjonali jirritorna l-kampjonat fl-Ingilterra bil-programm tal-ħames ġurnata.

Wara l-ewwel erba’ logħbiet huma biss iċ-champions Manchester City li għandhom punti massimi, iżda huma segwiti mill-qrib minn Tottenham, Liverpool, Arsenal u West Ham.

Għalhekk it-test li hemm jistenna lit-tim ta’ Pep Guardiola illum fl-istadium Olimpiku ta’ Londra kontra West Ham hu test ferm importanti għaż-żewġ naħat.

Manchester City xorta waħda jibdew bħala favoriti għalkemm il-Hammers kellhom bidu verament pożittiv u ma tkunx sospriża li City jwaqqgħu l-ewwel punti tagħhom.

Minn xi żelqa ta’ City jistgħu japprofittaw Tottenham u Liverpool li wkoll ikunu mpenjati llum, fejn Tottenham mhux mistennija li jfallu f’darhom kontra Sheffield United, filwaqt li Liverpool jista’ jkollhom xi ftit iktar problemi meta jmorru għand Wolves.

Logħba ferm interessanti mistennija tkun dik tal-lum f’Old Trafford fejn Manchester United jospitaw lil Brighton.

It-tim immexxi minn De Zerbi jidher li se jkompli fejn ħalla fl-istaġun li għadda u jinsab fis-seba’ post b’disa’ punti, tlieta iktar mir-Red Devils.

Għalhekk Manchester United ma jistgħu ifallu l-logħba tal-lum biex ma jkomplux jinqatgħu mit-timijiet ta’ fuq anki jekk għadna fi stadju kmieni fl-istaġun.

Newcastle United ukoll kellhom bidu ħażin s’issa fejn kisbu biss tliet punti mill-ewwel erba’ logħbiet tagħhom.

Dawn il-punti gew wara rebħa mpressjonanti ta’ 5-1 kontra Aston Villa fl-ewwel logħba tal-istaġun, iżda wara waslu telfiet kontra Manchester City, Liverpool, u Brighton.

Illum jiltaqgħu kontra Brentford f’St.James u t-Tlieta jirritornaw fiċ-Champions League kontra Milan f’San Siro.

Fil-logħbiet ta’ għada Arsenal ukoll jippruvaw japprofittaw minn xi żelqa ta’ Manchester City meta jmorru Goodison Park kontra Everton.

Everton għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa tagħhom f’dan l-istaġun filwaqt li l-Gunners jidher li se jerġgħu ikunu fost il-protagonisti għar-rebħ tat-titlu. 

Illum

13:30 Wolves v Liverpool

16:00 A. Villa v C.Palace

16:00 Fulham v Luton

16:00 Man Utd v Brighton

16:00 Tottenham v Sheffield U

16:00 West Ham v Man City

18:30 Newcastle v Brentford

Għada

15:00 Bournemouth v Chelsea

17:30 Everton v Arsenal

It-Tnejn

20:45 Nottingham v Burnley