Ir-raba’ ġurnata tal-kampjonat Taljan tas-Serie A hi dominata mil-logħba tal-lejla f’San Siro bejn Inter u Milan, derby dejjem ferm mistenni u f’dan l-istaġun jidher li se jkun iktar importanti hekk kif iż-żewġ naħat huma fost il-favoriti għar-rebħ tal-iscudetto
Iż-żewġ naħat kienu l-iktar li mpressjonaw fl-ewwel tliet logħbiet fejn kisbu punti massimi, u minkejja li għadna fi stadju bikri tal-kampjonat jidher li dawn iż-żewġ naħat għandhom il-kredenzjali kollha biex verament jiġġieldu għat-titlu.
Fl-istaġun li għadda kien hemm erba’ derbies della Madonnina, tnejn fil-kampjonat u tnejn fis-semifinali tal-UEFA Champions League, fejn Milan kisbu rebħa waħda u Inter rebħu tlieta u għaddew ukoll għall-finalissima taċ-Champions League.
Anki llejla Inter, li se jkunu qegħdin home u għalhekk ikollhom iktar partitarji mir-Rossoneri, jibdew xi ftit bħala favoriti, anki jekk derby hu dejjem derby u r-riżultat ħafna drabi jkun imprevedibbli. Milan għandhom problemi fid-difiża fejn Tomori hu sospiż wara li tkeċċa fl-Olimpico kontra Roma, filwaqt li Kalulu weġġa’ mat-tim Franċiż u probabilment ma jirkuprax.
Uġiegħ ta’ ras għal Pioli li probabilment jilgħab lil Kjaer fil-qalba tad-difiża flimkien ma’ Thiaw. Anki fl-attakk Giroud weġġa’ mat-tim Franċiż u jinsab dubjuż għal dan id-derby fejn jekk ma jirkuprax jista’ jagħmel id-debutt Jovic, l-aħħar akkwist ta’ Milan fis-suq tat-trasferimenti.
Il-programm tar-raba’ ġurnata jibda illum wara nofsinhar b’logħba nteressanti bejn Juventus u Lazio. Juventus kellhom bidu tajjeb u jinsabu wara ż-żewġ timijiet ta’ Milan fil-klassifika. Problema ġdid għal Juventus din il-ġimgħa hekk kif Paul Pogba instab pożittiv għad-doping, u l-futur tal-midfielder Franċiż issa verament hu ferm inċert.
Lazio wara bidu diżastruż b’żewġ telfiet konsekuttivi, wettqu sorpriża meta taw l-ewwel telfa liċ-champions Napoli, u għalhekk il-logħba bejn Juventus u Lazio tista’ tkun ferm bilanċjata u nteressanti.
Illejla wkoll Napoli jmorru għand Genoa fejn jippruvaw jiksbu r-rebħa wara ż-żelqa xejn mistennija kontra Lazio. Għada jispikkaw il-logħbiet bejn Fiorentina u Atalanta u Roma kontra Empoli fejn it-tim immexxi minn Jose Mourinho jipprova joħroġ mill-kriżi u jikseb l-ewwel rebħa tal-istaġun wara draw u żewġ telfiet.
Programm
Illum
15:00 Juventus v Lazio
18:00 Inter v Milan
20:45 Genoa v Napoli
Għada
12:30 Cagliari v Udinese
15:00 Frosinone v Sassuolo
15:00 Monza v Lecce
18:00 Fiorentina v Atalanta
20:45 Roma v Empoli
It-Tnejn
18:30 Salernitana v Torino
20:45 Verona v Bologna
//= $special ?>