Rowen Camilleri
ĦAMRUN S……….1
BALZAN………….. 0
Ħamrun S: F. Marchetti (H. Bonello 46’), S. Borg, J. Mbong, R. Prsa, Elionay, U. Duranovic (E. Bruno 88’), O. Bjelicic, N. Krstic (L. Montebello 46’), E. Marcelina, R. Camenzuli, J. Robert (Y. Nenov 78’)
Balzan: D. Golovic, I. Bozovic, A. Prates, S. Arab, T. Caruana (M. Aguek 73’), P. Fenech (M. Grima 73’), J. Grech, N. Braunovic (N. Zerjal 63’), M. Raso, L. De Souza (A. Katanic 67’), A. Andrejic (R. Michibuchi 67’)
Imwissija: N. Braunovic 24’ (B) J. Robert 44’, R. Prsa 53’, R. Camenzuli 64’, J. Mbong 65’, U. Duranovic 81’ (Ħ)
Skorjaw: J. Robert 62’ (Ħ)
Referee: Daniel Portelli
Assistenti Referees: Max-Lee Muscat u Philip Farrugia
BOV Plejer tal-Logħba: Jonny Robert (Ħamrun Spartans)
Il-Mument Plejer tal-logħba: Emerson Marcelina (Ħamrun Spartans)
Ħamrun Spartans bdew jiddefendu t-titlu b’rebħa, fejn għalkemm forsi wieħed jista’ jgħid li ma ssorprendewx, ħadu dak li riedu kontra Balzan, li dan l-istaġun għandu jkun wieħed mill-isfidanti għall-unuri. L-eroj ta’ Ħamrun kien il-Brażiljan Jonny Robert li fit-62 minuta skorja l-gowl li ddeċieda l-partita.
L-ewwel taqsima kienet kwieta għall-aħħar fejn l-ewwel u l-uniku xutt wasal wara 43 minuta minn Ħamrun meta Elionay prova xutt minn barra l-kaxxa li deher destinat lejn il-lasta iżda niżel fuq is-saqaf tax-xibka.
Ftit wara din l-azzjoni r-referre tal-partita Daniel Portelli saffar tmiem l-ewwel taqsima biż-żewġ timijiet jiddiżappuntaw mhux ftit lill-partitarji fl-istadium fejn ma offrew l-ebda spettaklu.
Fit-tieni taqsima Zauri żied il-forzi fl-attakk fejn daħħal lil Luke Montebello filwaqt li bidel ukoll il-goalkeeper fejn daħal l-internazzjonali Malti Henry Bonello minflok Federico Marchetti.
Wara biss minuta free-kick moghti minn Prsa li tefa’ ballun fil-kaxxa li sab lil Steve Borg, bid-daqqa ta’ ras tad-difensur tal-Ispartans tgħaddi ċentimetri barra.
Ħamrun fetħu l-iskor fit-62 minuta meta minn azzjoni ta’ korner Prsa qassam lejn is-sostitut Luke Montebello li tefa’ kross fil-kaxxa lejn Jonny Robert li b’daqqa ta’ ras għeleb lil Golovic.
Ħames minuti wara l-istess Jonny kien se jagħmel gowl simili iżda din id-darba d-daqqa ta’ ras tiegħu għaddiet ftit barra.
Reazzjoni minn Balzan fejn fit-68 minuta minn pass ta’ Katanic kien Prates li prova xutt bix-xellug li iżda għadda ftit għoli.
Minkejja l-isforzi ta’ Balzan biex isalvaw punt minn dan il-konfront, l-iskor baqa’ ma nbidilx u t-tliet punti jmorru għall-iskwadra mmexxija minn Luciano Zauri li jibdew it-triq għad-difiża tat-titlu b’rebħa.
