Lokali

Inawgurata il-wirja ‘rottArti’ fid-Dar Ċentrali tal-PN

Inawgurata uffiċjalment il-wirja ‘rottArti’. Wirja kollettiva ta’ arti li qed issir fl-okkażjoni tal-festi tal-Indipendenza, u li qed tiġbor fiha diversi xogħlijiet artistiċi.

Il-Kap tal-PN Bernard Grech fid-diskors tiegħu waqt l-inawgurazzjoni, spjega kif l-arti hi mezz biex l-artist jikkomunika l-ħsieb tiegħu. Dan filwaqt illi qal li l-arti hija parti integrali anke fil-politika li jħaddan il-PN.

Bernard Grech fakkar li l-arti hija itwal mill-artist għaliex l-arti tibqa’ – anke jekk l-artist ma jkunx għadu magħna. U hawn, semma’ ix-xogħolijiet artistiċi ta’ missieru – li ukoll jinsabu esebiti f’din il-wirja.

Is-Segretarju Eżekuttiv Organizzativ tal-PN Stefan Caruana, li huwa wkoll il-kuratur tal-wirja, spjega li ‘rottArti’ hi pjattaforma kollettiva fejn l-individwu qed iwassal messaġġ bl-arti li joħloq.

Fil-ftuħ tal-wirja tkellem ukoll il-Professur Louis Laganà, illi fisser kif fix-xogħlijiet esebiti qed tintwera l-għaqda li ġabet magħha l-Indipdendenza ta’ Malta, li tul is-snin sarrfet f’għaqda għal pajjiżna.

Din il-wrija qed titella’ fid-Dar Ċentrali tal-PN u se tkun miftuħa għall-pubbliku sal-ewwel ta’ Ottubru li ġej. Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino u l-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione.

Intant, il-festi tal-Indipendenza jiftħu fi Pjazza Tritoni nhar it-Tnejn filgħaxija, u jilħqu l-qofol tagħhom bil-mass meeting li se jsir l-Erbgħa – indirizzat mill-Kap tal-PN Bernard Grech.