Lokali

Roberta Metsola se tagħmel diskors fil-mass meeting tal-Erbgħa li ġej wara stedina mill-Kap tal-PN

Il-President tal-Parlament Ewropew u l-MEP Nazzjonalista Roberta Metsola ġiet mistiedna mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech se tagħmel diskors waqt il-mass meeting tal-Indipendenza li se jsir fl-20 ta’ Settembru fi Pjazza Tritoni bit-tema ‘Ħajja Aħjar f’Pajjiżna’.

Iżda l-qofol ta’ dan l-avveniment jintlaħaq bid-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fejn se jsemmi il-proposti tal-Partit Nazzjonalista sabiex il-poplu Malti u Għawdxi jkollu kwalità ta’ ħajja aħjar.

Dan l-avveniment jiġi fi tmiemu permezz tad-daqq tal-Innu Malti bit-tlugħ tal-bandiera ta’ pajjiżna.

L-attivitajiet marbuta mal-Indipendenza jingħataw bidu nhar it-Tnejn li ġej fi Pjazza Tritoni fejn se ssir diskussjoni politika bit-tema ‘Ħajja Aħjar f’Pajjiżna’ bis-sehem ta’ diversi personalitajiet kif ukoll tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.

Imbagħad it-Tlieta se ssir intervista mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista bil-qofol jintlaħaq l-Erbgħa li ġej bil-mass meeting annwali propju lejliet l-Indipendenza.

Apparti minn hekk, ma jonqosx l-ispettakklu li se jkun hemm kull lejl minn kantanti stabbiliti kif ukoll żoni fejn wieħed ikun jista’ jiekol u jixrob. Avvenimenti li żgur se jkunu ta’ interess kemm għaż-żgħażagħ kif ukoll għall-adulti.