Id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji ikkonkluda li l-każ fil-konfront ta’ Carmen Ciantar, l-id il-leminija ta’ Chris Fearne, issa huwa magħluq u li l-investigazzjoni fil-konfront tagħha se tieqaf.
Dan il-fatt jikkonferma dak li qalet hi; li xi persuni pprovaw joskuraw lilha biex iwettqu frame-up fuq Chris Fearne. Filwaqt li jikkonferma wkoll il-ġlied intern li għaddej fil-Partit Laburista, u li Ciantar stess irreferiet għalih bħala parti mill-“forzi tad-dlamijiet”.
Dan għaliex sa issa għadu ħadd ma jaf eżatt min fil-Labour ħoloq din l-istorja kontra Chris Fearne; b’allegazzjonijiet li kienu se jgħaddu flejjes tramite Carmen Ciantar minn kumpanija li kellha rabta mal-Vitals.
Il-Ġimgħa, is-sit NetNews.com.mt ippubblika l-ittra maħruġa mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji li permezz tagħha l-Pulizija infurmaw lil Carmen Ciantar li l-investigazzjoni se tieqaf hawn.
Ciantar kienet ilha tinsisti li t-tajn li ntefa’ fuqha kien intiż biss biex hi tkun vittma ta’ kampanja maħmuġa biex tkisser ir-reputazzjoni tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne; xi ħaġa li la l-Labour u lanqas Robert Abela qatt ma ċaħdu. Agħar minn hekk, kien hemm għidut persistenti li dan kollu ġie orkestrat mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Intant, wara li Net News żvela l-aħbar illi issa l-Pulizija għalqu dan il-każ kontra Ciantar, l-id il-leminija ta’ Chris Fearne kompliet trewwah fuq in-nar. U insistiet li dan il-frame-up kellu warjah finanzjament b’saħħtu. Dan filwaqt li rreferiet mill-ġdid għall-famużi “forzi tad-dlamijiet”.
//= $special ?>