Internazzjonali

Tifla tmut wara li waqa’ ajruplan tal-Frecce Tricolori f’Turin

Ajruplan tal-Frecce Tricolori iġġarraf fl-ajruport ta’ Caselle, fl-inħawi ta’ Turin, waqt li l-iskwadra kienet miexja fil-formazzjoni.

Waqt il-wirja, l-MB-339 waqa’ u sploda hekk kif ħabat mar-runway, u qatel tifla ta’ 5 snin li kienet qed tara l-airshow flimkien mal-familja tagħha.

Il-pilota rnexxielu jsalva bis-seat ejection.

X’ħin ħabat fl-art, l-ajruplan tal-Frecce Tricolori spiċċa laqat xi vetturi pparkjati fit-tarf tar-runway. Fl-inċident kienet involuta familja sħiħa hekk kif kienu qed jaraw il-wirja: minbarra t-tifla ta’ 5 snin li tilfet ħajjitha, ħuha ta’ 9 snin sofra ħruq u jinsab rikoverat fl-isptar Regina Margherita. L-omm u l-missier, li wkoll sofrew ħruq, jinsabu fi sptar oħra. Il-pilota ġie ttrasportat ukoll lejn l-istess sptar.

Il-Frecce Tricolori kienu waslu f’Turin biex jipparteċipaw f’wirja skedata għall-Ħadd għall-mitt sena tal-forza militari tal-ajru, filwaqt li llum kienu mistennija fil-5pm fil-flying club ta’ Vercelli fejn inġabru 4 elef ruħ biex jattendu l-airshow. L-ajruplan l-ieħor tal-Frecce Tricolori reġa’ lura fl-ajruport ta’ Collegno wara l-inċident.

Aktar kmieni, fl-ajruport ta’ Collegno kien ukoll seħħ inċident, meta ajruplan ħareġ il-barra mir-runway iżda ma kien hemm ebda konsegwenzi serji.