Il-kisba tal-Indipendenza ma kenitx xi kisba faċli u l-Partit Nazzjonalista kellu quddiemu oppożizzjoni f’Malta u oppożizzjoni mill-Gvern Ingliż li għal raġunijiet differenti ma ridux li Malta tikseb l-Indpendenza.
Jew li l-Indipendenza ma jiksibhiex Ġorġ Borg Olivier. Iżda kull min ħaseb li kien se jherri lil Ġorġ Borġ Olivier fil-mixja tiegħu lejn l-Indipendenza, spiċċa therra hu. Spiċċa li kellu jagħti lill-poplu Malti s-sovranità li kien jixraqlu.
Għall-ħarġa tal-lum mill-ġdid tkellimt ma’ Joe Zahra, Eks Editur ta’ In-Nazzjon u Opinjonista biex jgħidilna aktar dwar x’seħħ minn meta l-Parlament Malti vvota l-Break with Britain Resolution għall-kisba tal-Indipendenza fil-21 ta’ Settembru 1964.
Il-Parlament Malti unanimament approva l-Break with Britain Resolution. X’seħħ minn hemm ’il quddiem?
Wara li għaddiet il-Break with Britain Resolution u wara li Duminku Mintoff ma rnexxilux iġib ebda konċessjoni mill-Gvern Ingliż, dan għażel li jirriżenja.
Il-Gvernatur bagħat għal Ġorġ Borg Olivier biex jifforma gvern ġdid iżda dan irrifjuta għaliex ma kellux maġġoranza. Hekk Malta għaddiet mill-ġdid taħt gvern kolonjali.
Il-Partit Laburista, li issa kien qaleb mill-integration għall-Indipendenza, beda jsejjaħ lin-nies fit-toroq fejn anke kien hemm inċidenti bħal dawk tat-28 ta’ April, 1958, fejn inħarqu għases tal-pulizija u fejn kien hemm min spiċċa l-ħabs. Fosthom żewġ eks ministri Laburisti.
U f’din is-sitwazzjoni x’kienet il-pożizzjoni tal-PN?
Il-PN mmexxi minn Ġorġ Borg Olivier kien leali lejn it-twemmin u l-ideali tiegħu. Għalhekk ma setax jopponi lil Duminku Mintoff fuq l-Indipendenza li wara kollox kienet il-ħolma tal-PN għal għexieren ta’ snin.
Dan wassal biex fil-PN kien hemm min oppona għal dan l-atteġġjament. Anke fil-beraħ. Il-klima li nħolqot wasslet biex iż-Żgħażagħ Nazzjonalisti Maltin ġew xolti u flokhom twaqqaf il-Moviment Żgħażagħ tal-Partit Nzzjonalista (MŻPN) u biex inħoloq partit ġdid il-Partit Demokratiku Nazzjonalista (PDN) immexxi mill-Avukat Herbert Ganado.
Fuq in-naħa tal-Partit Laburista (PL) seħħ xi ħaġa simili meta ħareġ minnu partit ieħor, il-Partit tal-Ħaddiem Nsara (PĦN) immexxi minn Toni Pellegrini.
Filwaqt li Duminku Mintoff kien isejjaħ in-nies għad-dimostrazzjonijiet, Ġorġ Borg Olivier kien jaħdem fil-kwiet biex jagħmel id-dinja konxja mit-talba ta’ Malta għall-Indipendenza. Fost dawn l-inizjattivi kien mar Londra fejn kienet għaddejja laqgħa tal-Prim Ministri tal-Commonwealth u fejn kellu l-opportunità li jiltaqa’ ma’ diversi minnhom.
Ħafna kienu ħasbu li l-PN kien spiċċa. Iżda jien li dak iż-żmien kont Assistent Editur ta’ Il-Poplu, il-gazzetta uffiċjali tal-PN, fil-MŻPN fejn iktar tard servejt bħala Segretarju Ġenerali, u President fis-sezzjoni taż-Żejtun, kont qed insegwi mill-qrib u nara kif il-PN kien qed jikber u jiġbed lejh mhux biss il-votanti li kellu qabel, iżda anke oħrajn ġodda. Mhux biss id-deputati li kien jirrappreżentawh qabel fil-Parlament, iżda ħafna uċuħ ġodda.
Waslet l-elezzjoni ġenerali tal-1962. Kif tfisser dik l-elezzjoni hekk importanti għall-futur ta’ pajjiżna?
F’dik l-elezzjoni Malta kienet maqsuma f’żewġ gruppi politiċi: il-Partit Laburista fuq naħa li kien daħal fi gwerra mal-Knisja f’Malta, u l-partiti l-oħra li għalkemm b’ideali differenti kienu lkoll jaqblu li l-ġlieda mal-Knisja ma kenitx waħda f’waqtha.
Il-PN minkejja li kien mal-partiti li kienu kontra din il-ġlieda, ma kienx irid jagħmel gwadann politiku minn din is-sitwazzjoni.
Il-partiti, hekk magħrufa bħala “ż-żgħar”, kienu jippruvaw iġelldu lill-poplu mal-PN fuq din il-kwestjoni. Darba It-Tarka, il-gazzetta tal-PĦN, ippubblikat poster bil-kliem “Borg Olivier u Mintoff ftehmu”. Poster li f’dawk iż-żminijiet kien jagħmel ħafna ħsara lill-PN. Ġorġ Borg Olivier għamel kawża fil-Qorti kontra It-Tarka li tilfet, u għalhekk kellha tippubblika poster ieħor li jiċħad dak li kienet insinwat qabel.
Iktar mal-elezzjoni resqet lejn id-data tal-25 ta’ Frar 1962, iktar il-PN beda jissaħħaħ. Il-meetings bdew jattiraw dejjem iktar partitarji. Il-poplu kien qed juri li jrid lill-PN biex imexxih.
Ir-riżultat tal-elezzjoni tal-1962 ta rebħa lill-PN. Kif tispjega dak li seħħ?
Din hi storja li titlob li jinkitbu volumi dwarha. Biss nipprova ngħid fil-qosor. Il-Partit Laburista kien ċert li se jirbaħ tant li wara mass meeting li kellhom fil-Blata l-Bajda fejn kien hemm folla kbira ta’ eluf u Duminku Mintoff qalilhom li r-rebħa kienet tagħhom, ħafna Laburisti lagħbu l-flus u tilfu.
Il-PN immexxi minn Ġorġ Borg Olivier, politiku kawt għall-aħħar, ma marx għat-trijonfaliżmu. Ħadem u stinka biex jispjega kif kien jaħsibha dwar il-problemi ta’ pajjiżna u dwar kif joħroġ lil kulħadd jivvota. Kellu kandidatura mill-aqwa li kienet tinkludi tista’ tgħid lid-deputati kollha li servew bejn l-1955 u l-1958.
Ġie jum il-votazzjoni u l-poplu Malti u Għawdxi ħareġ bi ħġaru jivvota. Kjuwijiet twal għaliex il-karta tal-vot, b’sitt partiti jikkontestaw l-elezzjoni, kienet waħda twila.
Ħareġ ir-riżultat li ta 25 deputat lill-PN għal 25 li kien hemm fuq in-naħa l-oħra: 16 għall-PL; erbgħa kull wieħed il-PDN u l-PĦN u deputat wieħed għall-Partit Kostituzzjonali Progressiv ta’ Mabel.
’Il quddiem, deputat mill-PDN qasam il-Kamra u ngħaqad mal-grupp parlamentari tal-PN li allura tela’ għal 26 bl-Ooppożizzjoni jkollha b’24 deputat.
Fl-elezzjoni tal-1962 il-PN kiseb 63,262 – żieda ta’ 14,748 vot fuq l-elezzjoni tal-1955 u l-PL kiseb 50,974 vot – tnaqqis ta’ 17,473 vot fuq l-1955.
Minn hawn bdiet il-ġlieda għall-Indipendenza. X’kienu l-ewwel passi u meta saret it-talba formali?
L-ewwel nett Ġorġ Borg Olivier ma riedx jifforma gvern qabel ma ċerti provvedimeti fil-Kostituzzjoni Blood jitneħħew. Dawn kienu jinkludu li s-Servizz Ċivili, il-Korp tal-Pulizija u l-karti tal-laqgħat tal-Kabinett jirritornaw lura f’idejn il-Gvern Malti.
Ġorġ Borg Olivier mar Londra fid-19 ta’ Marzu 1962, fejn iddiskuta mal-Gvern Ingliż dawn l-emendi li ried għall-Kostituzzjoni Blood. Il-Gvern Ingliż ta lura dak li kien qed jitlob il-Gvern Malti. Il-Parlament Malti fetaħ fid-26 ta’ April wara erba’ snin ta’ ħakma kolonjali.
Il-qagħda ekonomika ta’ pajjiżna ma kienet xejn tajba. Kien hawn qgħad kbir u emigrazzjoni qawwija bil-ġid nazzjonali flok jikber jiċkien.
Kien hemm rapporti ta’ esperti minn Nazzjonijiet Maqgħuda li kienu jaqtgħu qalb kulħadd. Iżda mhux lil Ġorġ Borg Olivier.
Quddiem din is-sitwazzjoni maħluqa mill-Gvern Ingliż minħabba s-sensji li kien qed jagħti minn mas-Servizzi Militari Ingliżi, il-qagħda xejn sabiħa fit-Tarzna, l-azjenda li l-iktar li kienet tħaddem nies f’pajjiżna, il-Prim Ministru f’Awwissu 1962 reġa’ mar Londra biex jitlob iktar għajnuna finanzjarja mill-Gvern Ingliż.
Fl-20 ta’ Awwissu l-Prim Ministru ħareġ stqarrija f’Londra fejn tenna li wara r-riżultat sfortunat tad-diskussjonijiet li kellu mal-Gvern Ingliż, ikkonvinċa lilu nnifsu li naffrontaw aħjar il-problemi ta’ pajjiżna kemm-il darba jkollna libertà sħiħa biex infasslu l-futur tagħna. Dakinhar Ġorġ Borg Olivier, wara konsultazzjonijiet ma’ sħabu tal-Kabinett, għamel talba formali lill-Gvern Ingliż għall-Indipendenza ta’ pajjiżna.
U hawn qbadna l-maratona għall-Indipendenza!
Il-Gvern Malti għamel it-talba formali għall-Indipendenza. Il-Gvern Ingliż kif ħadha din it-talba?
M’hemmx dubbju li l-Gvern Ingliż ma ħax pjaċir bit-talba ta’ pajjiżna. Iżda ma setax jiċħadilna meta pajjiżi kolonji oħrajn kienu qed jagħmlu l-istess talba ta’ pajjiżna u kienu qed jiġu aċċettati.
Fis-6 ta’ Diċembru 1962, il-Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier beda negozjati f’Londra mas-Segretarju tal-Istat għall-Kolonji Duncan Sandys. Dawn kienu jitrattaw id-data u dettalji oħra dwar konferenza kostituzzjonali li kellha ssir dwar l-Indipendenza ta’ pajjiżna. Intlaħaq ftehim dwar il-preparazzjonijiet li kienu meħtieġa għall-konferenza.
Fis-27 ta’ Mejju 1963, f’laqgħa tal-Kabinett kien diskuss l-Abbozz tal-Kostituzzjoni. Laqgħa li ma kenitx l-aħħar waħda għaliex saru diversi. Saru wkoll laqgħat mal-partiti politiċi kollha.
Fis-16 ta’ Lulju 1963 fetħet f’Marlborough House Londra l-konferenza dwar l-Indipendenza ta’ Malta. Ippresieda s-Segretarju tal-Istat għall-Kolonji Duncan Sandys u ħadu sehem fil-konferenza delegazzjonijiet mill-
partiti kollha rappreżentati fil-Parlament Malti. Fil-konferenza ma ntlaħaq ebda ftehim dwar il-Kostituzzjoni tal-Indipendenza.
Darba falliet il-konferenza x’kienet il-pożizzjoni tal-gvern Malti?
Ġorġ Borg Olivier kien bniedem tenaċi u dak li jemmen fih jibqa’ sakemm jottjenih. Kien jemmen li biex pajjiżna jaqbad it-triq tal-prosperità jrid qabel xejn ikun indipendenti u ħadem biex inkunu Indipendenti.
Ġorġ Borg Olivier mar iktar drabi Londra għal laqgħat ma’ Duncan Sandys. Fis-6 ta’ Diċembru 1963, Ġorġ Borg Olivier għamel offerta għal referendum dwar il-Kostituzzjoni. Fit-30 ta’ Marzu 1964 tressaq quddiem il-Parlament Malti l-Abbozz tal-Kostituzzjoni li ġie approvat fit-3 ta’ April. L-għada l-Parlament għadda r-Referendum Bill biex seta’ jsir ir-referendum.
Bejn it-2 u l-4 ta’ Mejju 1964 sar ir-referendum li ta dan ir-riżultat: Voti IVA 65,714; Voti LE 54,919; Voti mhux validi 9,016. Riżultat ċar li l-poplu Malti u Għawdxi kien approva l-Kostituzzjoni tal-Indipendenza. Tajjeb li ngħid li fir-referendum il-PN żied il-voti fuq dawk li kien kiseb fl-elezzjoni ġenerali tal-1962.
B’dan ir-riżultat f’idejh, il-Prim Ministu Ġorġ Borg Olivier fid-19 ta’ Mejju reġa’ mar Londra għal dik li kellha tkun l-itwal żjara tiegħu fil-kapitali Ingliża u barra pajjiżu. Ġorġ Borg Olivier ma riedx jirritorna Malta qabel ikun innegozja kollox… id-data, il-Kostituzzjoni, il-ftehim finanzjarju u t-trattat ta’ difiża reċiproka.
Fil-21 ta’ Lulju, is-Segretarju tal-Istat għall-Kolonji Ingliż għamel stqarrija fil-House of Commons fejn ħabbar li kien ikkonkluda negozjati twal mal-Gvern Malti dwar l-Indipendenza u qal li bħala riżultat kienu ddeċidew il-forma tal-Kostituzzjoni għal Malta Indipendenti.
Fis-26 ta’ Lulju l-Prim Ministru Ġorġ Borġ Olivier flimkien mad-delegazzjoni tiegħu rritornaw Malta fejn ingħataw merħba ta’ eroj mill-poplu Malti u Għawdxi.
Kien għad baqa’ li l-House of Commons u l-House of Lords japprovaw l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Indipendenza ta’ Malta. Dan ried isir mingħajr dewmien għaliex il-House of Commons kienet se tiġi xolta biex isiru elezzjonijiet ġenerali.
L-Erbgħa 22 ta’ Lulju 1964, tressaq għall-Ewwel Qari l-Abbozz ta’ Liġi. L-għada l-Ħamis, l-istess Abbozz għadda mill-istadji kollha fil-House of Commons u emenda tal-Oppożizzjoni Laburista għal elezzjoni f’Malta qabel l-Indipendenza ġiet megħluba.
It-Tnejn 27 ta’ Lulju, tressaq għall-Ewwel Qari l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Indipendenza ta’ Malta fil-House of Lords. L-għada, tressaq it-Tieni Qari. Emenda mressqa minn Lord Perth għal elezzjoni jew referendum f’Malta qabel l-Indipendenza ġiet irtirata.
Il-Ġimgħa 31 ta’ Lulju, il-liġi dwar l-Indipendenza ta’ Malta ngħatat l-approvazzjoni tagħha mill-Majestà Tagħha r-Reġina Eliżabetta II.
Minn hemm bdew it-tħejjijiet għall-jum storiku tal-21 ta’ Settembru.
Malta ċċelebrat l-Indipendenza b’festi kbar li kienu organizzati ma’ Malta u Għawdex kollu. Hemm xi silta minn diskors ta’ Ġorġ Borg Olivier li laqtitek iktar minn oħrajn?
Iva Joe. Fil-21 ta’ Settembru 1964, meta indirizza il-folol fl-Arena tal-Indipendenza, il-Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier stqarr li: “L-Indipendenza tfisser li għandna naħdmu aktar iebes u b’rieda ikbar għaliex irridu nagħtu prova lid-dinja li aħna verament tixirqilna l-Indipendenza li akkwistajna; li nistgħu naħdmu demokratikament, u mmexxu l-poplu tagħna fit-triq tal-liġi u l-ordni lejn prosperità ekonomika għalina u wliedna.”
Dan kien messaġġ li għadu jgħodd illum. L-Indipendenza fetħitilna l-bibien beraħ. Iżda aħna rridu nżommu dawn il-bibien miftuħa. Ħadd mhu se jaħslilna wiċċna biex inkunu aħjar minnu. B’rajna f’idejna jiddependi minnha lkoll jekk navvanzawx jew immorru lura. Nemmen li bl-Indipendenza avvanzajna ħafna. Anke ħafna iktar milli parti kbira tal-poplu kienu jipprevedu.
//= $special ?>