Lokali

Aguilera tagħlaq il-Euro Pride fuq il-Fosos

Is-Sibt intlaħaq il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Euro Pride bil-kunċert tal-kantanta Amerikana ta’ fama mondjali Christina Aguilera.

Eluf ta’ persuni inġabru fuq il-Fosos,a wara il-Pride March li għalieh attendew l-għola awtoritajiet ta’ pajjiżna, inkluż il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, sabiex isegwu u jgawdu varjeta ta’ talent mużikali kemm lokali kif ukoll internazzjonali.

Huwa stmat li madwar 38,000 persuna attendew dan il-kunċert hekk kif il-biljetti kollha għal kunċert kienu sold out.

Fost il-kanzunetti mir-repertorju vast tagħa Christina Aguilera kantat ‘Genie in a Bottle’, ‘Say Something’, ‘Dirrty’, kif ukoll ‘Beautiful’.

Qalb l-ispettaklu spikka t-talent lokali bil-kantanta Emma Muscat tkanta l-hit attwali tagħha M.I.A kanzunetta li qed tikseb il-popolarità Ewropea flimkien ma’ Benny Benassi.

Is-serata inkludiet ukoll numru ta’ kanzunetti mil-grupp lokali The Travellers, li lbieraħ ġew mwaqqfa f’nofs diska biex jispiċċaw qabel il-ħin.

Il-kantanta Ira Losco flimkien mal-band tagħha offrew spettaklu mill-isbaħ, u fost il-kanzunetti li l-iktar niżlu tajjeb mal-udjenza kien hemm 7th Wonder, The Person I am, kif ukoll One in a Million.

Madanakollu l-Ħadd filgħodu fuq il-midja soċjali, il-band The Travellers esprimew id-dispjaċir tagħhom għal fatt li l-ispettaklu tagħhom kien imwaqqaf f’nofs kanzunetta.

Il-kantant tal-band, Chris Gatt, tkellem ma’ Net News fejn saħaq li l-fatt li l-mużika u l-mikrofonu tbaxxa kompletament f’nofs kanzunetta quddiem dawk l-eluf ta’ nies kienet ħaġa umiljanti. Huwa insista li l-inqas li seta’ jsir kien li jkunu infurmati minn qabel u tal-inqas jingħataw l-opportunità iselmu l-udejnza kif xieraq.

Huwa insista li jispera li dak li ġara l-Ħadd filgħaxija ma jiġri lill-ebda artist lokali ieħor…dan filwaqt li saħaq dwar l-aktar messaġġ importanti – il-prijorità li kulħadd jiġi meqjus l-istess fis-soċjetà tal-lum.