Internazzjonali

Il-Brażil: Imutu 14 fit-tiġrif ta’ ajruplan fiz-zona tal-Amazon

L-awtoritajiet Brażiljani fetħu inkjesta dwar it-tiġrif ta’ ajruplan li sewa l-ħajja ta’ 14-il persuna. L-ajruplan kien niżel fiz-zona tal-Amazon fost il-maltemp qawwi, bl-awtoritajiet jikkonfermaw li n-nies kollha abbord – 12-il passiġġier u ż-żewġ membri tal-ekwipaġġ — spiċċaw imutu mal-ewwel bl-impatt.

Is-Segretarju għas-Sigurtà fl-Istat tal-Amazonias, Vinicius Almeida, qal li l-ajruplan – tat-tip EMB-110  turboprop — żgiċċa mill-mitjar ftit wara l-inżul f’Barcelos u meta l-viżibbiltà kienet kważi zero minħabba x-xita qliel.

L-ajruplan  kien qed jikkonkludi vjaġġ – bħala titjira charter — bejn Manaus, il-kapitali tal-Amazonias u l-belt remota ta’ Barcelos li tinsab f’nofs ta’ġungla.

Dan meta sar magħruf ukoll li l-ekwipaġġ tal-ajruplan ‘kien issodisfa l-kriterji kollha neċessarji qabel it-titjira fatali’.

Il-Gvernatur tal-Amazonias, Wilson Lima, qal li l-investigazzjonijiet għandhom ikomplu għat-tul taż-żmien minkejja l-indikazzjonijiet li t-traġedja kienet dovuta  għall-maltemp. Dan waqt li l-katavri tal-vittmi tal-ajruplan kienu qed jittieħdu lejn Manaus, għall-identifikazzjoni formali.