Lokali

Ilmenti dwar kif mediċini f’Malta jiswew għaxar darbiet iktar minn kemm jiswew barra minn xtutna

Mediċini kkumparati mal-Italja jiswew id-doppju f'Malta

Persuna partikolari rrikorriet għal Facebook tistaqsi għaliex mediċina partikolari tiswa għaxar darbiet iktar f’pajjiżna meta tikkomparaha mal-istess mediċina fil-Polonja.

Post fuq Facebook tgħid li meta kienet Wroclaw, il-Polonja, din il-persuna kellha tixtri mediċina li normali tixtri f’pajjiżna hekk kif il-pilloli spiċċawlha. Dawn il-pilloli, bl-isem ta’ Ezoleta, kaxxa ta’ 28 jiswew €29.50 filwaqt li fil-Polonja, kaxxa li jkun fiha 30 pillola, jiġifieri fiha iktar minn dik ta’ Malta, tiswa’ biss €3.

Dan ifisser li kaxxa li fiha żewġ pilloli iktar minn kemm toffri kaxxa li tixtri minn Malta, tiswa kważi għaxar darbiet inqas minn dik fil-Polonja. Wieħed jifhem li l-ħajja fil-Polonja hi irħas minn dik f’pajjiżna, iżda kumment wara l-ieħor jgħid kif ħadd ma seta’ jifhem kif l-istess ħaġa tkun daqshekk għola f’pajjiżna.

Dan hekk kif wieħed jista’ jixtri għaxar kaxxi pilloli mill-Polonja bl-istess prezz, u magħhom jieħu għoxrin pillola żejda wkoll.

Iżda, jekk inqabblu mal-pajjiż ġahar tagħna, persuna oħra qalet li xtrat mediċini mill-Italja, spiżerija li tinsab f’Ruma għall-prezz ta’ €14.90, b’Malta qed tbigħ dawn l-istess mediċini għall €35.80.

Kumment ieħor jgħid kif jaf nies li jitilgħu regolarment Sqallija biex jixtru l-mediċini għax meta tikkunsidra l-ispejjeż tal-vapur u ġurnata fi Sqallija, xorta waħda jiffrankaw.

B’persuna tgħid li din hi xi ħaġa tal-mistħija hekk kif dan hu bżonn u mhux xi kapriċċ, bil-pagi f’pajjiżna huma baxxi ferm.