Wara li nhar il-Ħadd li għadda l-gazzetta ‘il-mument’ żvelat kif kienet qed issir pressjoni kbira biex l-Eks Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo jaċċetta li jieħu t-Tmexxija tar-Residenza għall-Anzjani San Vinċenz De Paule iżda dan ma aċċettax li jużawh u jarmuh kif imxew miegħu fil-passat, issa d-deċiżjoni dwar dan ir-rwol daret għal fuq Jorgen Souness, Registered Nurse f’Mater Dei.
Jorgen Souness kien pijunier importanti fil-ġlieda kontra l-Covid-19 tant li kien jassumi l-kariga ta’ Co-Ordination Team Senior Nurse fl-Isptar Mater Dei. Grazzi għal ħidmietu, jirrizulta li reċentement kien identifikat mill-Ministeru tas-Saħħa biex ikun hu li jingħata l-inkarigu li jmexxi l-Paola Hub.
Tajjeb li jingħad li l-Paola Hub s’issa għadu fiċ-ċentru ta’ numru ta’ kontroversji; proġett b’investiment ta’ aktar minn €40 miljun li kellu jitlesta fi żmien tliet snin minn meta beda x-xogħol fih, iżda s’issa din il-mira għadha ma ntlaħqitx… b’infiq dubjuż ta’ aktar u aktar miljuni ta’ ewro u bix-xogħlijiet jibqgħu jaqgħu lura.
Għalhekk id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne kien identifika lil Jorgen Souness biex darba jitlesta dan il-Paola Hub ikun hu li jmexxih… anki għaliex l-istess Chris Fearne għandu interessi diretti f’dan il-Paola Hub li jaqa’ taħt id-Distrett Elettorali tiegħu u ma jridx membri oħrajn fil-Kabinett – bħal Chris Bonett – jidħlulu fl-għalqa.
Kienet il-mira ta’ Chris Fearne li jkun Jorgen Souness li jmexxi hu l-Paola Hub, li skont il-Gvern Laburista se jkollu r-rwol li jipprovdi firxa kbira ta’ servizzi tas-saħħa b’xejn fosthom operazzjonijiet ta’ ġurnata fil-komunità għan-nies fin-Nofsinhar ta’ Malta.
Meta kien ingħata bidu għall-Paola Hub, Chris Fearne kien ftaħar ħafna dwar dan il-proġett… li sal-lum għadu biss qiegħed jinħema u għall-inkompetenzi tal-Gvern Laburista qiegħed ikollu jagħmel tajjeb il-poplu Malti u Għawdxi bit-taxxi tiegħu!
Issa, f’daqqa waħda, ta’ Kastilja jridu li flok Jorgen Souness ikun ta’ spalla għal Chris Fearne, ikun ta’ spalla għal Jo-Etienne Abela billi jkun hu li jieħu t-Tmexxija tar-Residenza għall-Anzjani San Vinċenz De Paule.
Jirriżulta wkoll li ta’ Kastilja jridu wkoll li l-Ministeru tal-Anzjanità mmexxi minn Jo-Etienne Abela, jissaħħaħ ukoll bi rwol ġdid li se jingħata lil George Fenech li hu Senior Nurse Manager fl-Isptar Mater Dei u li diġà għandu esperjenza fil-Ministeru tal-Anzjani.
Dawn l-iżviluppi reċenti issa reġgħu fetħu t-tellieqa għal min se jkun qiegħed imexxi l-Paola Hub li għal Chris Fearne jfisser ħafna… sakemm finalment ta’ Kastilja ma jsabbtux saqajhom u jdabbrulu rasu bħala Kummissarju Malti fl-UE biex jieħu post Helena Dalli li t-terminu tagħha riesaq lejn it-tmiem tiegħu.
Kollox jindika li ta’ Kastilja qegħdin iħarsu fil-bogħod fir-rigward tar-Residenza għall-Anzjani San Vincenz De Paule u jridu li fit-Tmexxija jkun hemm nies afdati minnhom, aktar u aktar fid-dawl tal-manuvri li jiġru fost l-anzjani fil-jiem ta’ xi elezzjoni!
//= $special ?>