Suċċess għall-iskola tal-futbol lokali KFF Football Academy immexxija minn Kevin Farrugia meta s-Sibt ħadu sehem fil-Foxes Plate Festival, tournament ta’ ġurnata li sar fit-training grounds ta’ Seagrave ta’ Leicester City FC.
F’dan it-tournament, li kien forma ta’ league bejn 7 timijiet, KFF Football Academy spiċċaw fl-ewwel post b’16-il punt minn 6 logħbiet fejn skorjaw 13-il gowl u qalgħu biss wieħed. Huma kisbu 5 rebħiet u draw filwaqt li ma tilfu l-ebda konfront.
Fl-ewwel logħba l-Maltin lagħbu kontra Dream Academy FC fej ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0 biex fil-partita ta’ wara għelbu lill-Irlandiżi ta’ Shamrock Rovers 2-1, b’dan il-gowl ikun l-uniku wieħed li sofra t-tim Malti fil-logħob kollu.
It-tielet konfront kien l-aktar wieħed diffiċli, dak kontra Leicester City fejn minkejja l-qawwa tat-tim, KFF Football Academy irnexxielhom jiksbu draw ta’ 0-0 biex fil-logħba ta’ wara kisbu l-akbar rebħa, 4-0 kontra Colchester United.
KFF Football Academy aċċertaw mir-rebħ ta’ dan it-tournament meta għelbu lil Luton Town 2-0 biex il-logħba kontra Burnley kienet biss formalità bil-Maltin jagħlqu bi kbir u jegħlbu lill-Ingliżi 3-0.

