Jinsabu fl-aqwa tagħhom il-preparamenti għat-tlett ijiem tal-festi tal-Indipendeza li se jkunu qed jittellgħu fi Pjazza Tritoni.
L-attivitajiet fi Pjazza Tritoni se jkunu qed jibdew it-Tnejn fis-6 pm hekk kif se jkunu qed jiftħu l-istands tal-ikel u x-xorb, kif ukoll zoni tat-tfal u jibqgħu miftuħin fil-jiem ta’ wara. Siegħa wara, fis-7 pm se tibda d-diskussjoni politika bit-tema ‘Ħajja Aħjar f’Pajjiżna’ bis-sehem ta’ diversi personalitajiet u tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech. Iktar tard, fid-9 pm jibda spettaklu minn Cheryl Balzan u l-band tagħha fuq il-palk prinċipali.
L-għada, it-Tlieta fis-7 pm issir intervista mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech mill-ġurnalist ta’ ONE News, Samuel Lucas. Wara, fid-9 pm jibda spettaklu fuq il-palk prinċipali minn Spiteri Lucas Band.
Imbagħad, l-Erbgħa jsiru l-attivitajiet ewlenin lejlet l-Indipendenza, fejn fis-7 pm jibda l-mass meeting annwali ndirizzat mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech u l-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola. Qabel il-mass meeting ikun hemm warm-up minn DJ Zmiley. Wara l-mass meeting isir after-party minn DJ Nate.
U bħal kull sena, f’nofsillejl jindaqq l-Innu Malti u jsir it-tlugħ tal-bandiera Maltija.
Iżur l-aħħar preparamenti tal-festi tal-Indipendenza l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Perici Calascione fejn irringrazza lill-voluntiera tax-xogħol tagħhom. Huwa spjega kemm huwa importanti li kull Malti u Għawdxi jattendi dawn l-attivitajiet.
Alex Perici Calascione qal kif din is-sena, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed iwassal messaġġ għal Ħajja Aħjar f’Pajjiżna.
Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv tal-PN, Stefan Caruana u t-Teżorier Veronica Perici Calascione.
Intant, il-Konkors Kanzunetta Indipendenza se jerġa’ jirritorna wara nuqqas ta’ sena. Din is-sena se jkun qed jiġi mfakkar l-40 sena mill-bidu ta’ dan il-konkors. Is-serata finali se ssir il-Ġimgħa 22 ta’ Settembru fi Pjazza Teatru Rjal, il-Belt Valletta.
//= $special ?>