Il-Prosekutur Ġenerali tal-Libja wiegħed lill-poplu li ‘se jsiru l-kontijiet’ ma’ kulmin jinstab ħati dwar kwalunkwe negliġenza li kontribwiet – direttament jew indirettament — għall-akbar traġedja tal-għargħar fl-istorja tal-pajjiż.
Dan waqt li l-Prosecutor, Al-Sediq al-Sour, qal li l-awtoritajiet se jirrankaw l-investigazzjonijiet dwar il-kroll ta’ żewġ digi li kienu nbnew fis-snin sebgħin u li kaġunaw l-għargħar devastanti fil-belt ta’ Derna…Traġedja li ssarrfet f’aktar minn 12,000 mejtin u meta l-awtoritajiet għadhom qed jirkupraw il-katavri miz-zoni maġenb l-kosta.
U waqt li l-poplu qed jipprova jistejqer mix-xokk tat-traġedja, l-awtoritajiet Libjani anki se jinvestigaw l-allokazzjoni tal-fondi, fil-passat, li kellhom ikunu investiti fil-manutenzjoni tad-digi. Il-prosekuturi, fl-istess ħin, beħsiebhom jinvestigaw lill-awtoritajeit lokali f’Derna flimkien mal-amministrazzjonijiet preċedenti fir-reġjun.
Mistenni wkoll li, ‘il quddiem, jitressqu akkużi kriminali kontra xi individwi konċernati li, imbagħad, iridu jgħaddu minn proċess tal-qorti.
Ix-xita qliel waqt il-Maltempata mlaqqma ‘Daniel’ wasslet għall-kroll tad-digi fost l-għargħar – għoli diversi metri – li kaxkar miegħu l-komunitajiet u n-neighbourhoods ta’ Derna; b’għexieren ta’ nies jispiċċaw jegħrqu.
Sadanittant, il-Libja għad għandha bżonn l-għajnuna minn barra, flimkien ma’ nies speċjalizzati biex jagħtu appoġġ psikoloġiku lill-mijiet tal-familji li tilfu lill-għeżież fl-għargħar.
U d-difna tal-vittmi għadha qed timponi sfida sinifikanti minkejja l-progress fil-koordinazzjoni tal-impenji ta’ ‘search and rescue’ u d-distribuzzjoni tal-għajnuna fl-ibnadi mgħarrqin tal-Libja.
//= $special ?>