Il-Korp tal-Pulizija għaddej minn kriżi. Ma nistgħuxx nibqgħu ngħidu li l-problemi li hemm fil-Korp tal-Pulizjia huma problemi żgħar jew problemi ta’ kuljum. Illum il-problema saret waħda endemika.
Problemi bħas-salarji li mhux adekwati meta mqabbla max-xogħol kollu li hemm u r-responsabbiltà li dan ix-xogħol iġib miegħu. Hemm ukoll l-Għasses tal-Pulizija li ħafna minnhom huma f’kundizzjoni mhux xierqa.
Fuq kollox hemm il-problema li qiegħed jinħass li l-Liġi mhux qed tiġi infurzata b’mod ugwali ma’ kulħadd. Dawn huma problemi li ilhom jinħmew għal ħafna snin.
Hekk beda biex qalli Joe Giglio, id-Deputat Nazzjonalista li hu wkoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għar-rigward tal-Korp tal-Pulizija. Hu beda biex qal li hu stat ta’ fatt li l-Liġi mhux infurzata ma’ kulħadd b’mod ugwali.
Dan huwa evidenti kemm f’każijiet żgħar u kemm f’każijiet serji ħafna. Saħansitra ma tiġi infurzata xejn f’ċerti każijiet. Ma jistax ikollna reputazzjoni ta’ pajjiż serju meta l-Liġi ma tkunx infurzata ma’ kulħadd bl-istess riga.
“Nemmen li din hija r-raġuni ewlenija għaliex l-inċidenti fatali f’siti ta’ kostruzzjoni, kif ukoll dawk tat-traffiku qed jiżdiedu b’mod allarmanti. Nemmen ukoll li dan kollu ġab il-kultura ta’ traskuraġni li bħalissa ninsabu fiha. Fi kliem ieħor ħafna jgħidu “X’jimpurtani! Dak mhux l-istess qed jagħmel?!”
Joe Giglio fisser li l-pagi baxxi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija mhumiex qed jattiraw nies biex jissieħbu fih. Din il-problema ġabet ukoll sitwazzjoni fejn kien hemm uffiċjali kompetenti li rriżenjaw biex isibu xogħol b’paga aħjar.
Oħrajn saħansitra telqu anki qabel ma għalqu l-25 sena servizz. Kull sejħa għal rekluti ġodda ftit li xejn ikollha tweġiba b’saħħitha. Dan kollu ġab ukoll problema li m’hawnx biżżejjed Pulizija għax-xogħol kollu li hawn preżentament.
Bżalissa qegħdin f’posizzjoni fejn tmur tagħmel rapport ġewwa xi Għassa u jew ssibha magħluqa jew ma hemmx biżżejjed Pulizija biex jaħdmu fuq dak ir-rapport, fisser Joe Giglio.
Hu kompla li għandna l-kriminalità li qegħda ssir ħafna aktar vjolenti. Dan huwa evidenti fejn żdiedu l-każijiet ta’ ġlied fit-toroq tagħna, kif ukoll iż-żieda ta’ każijiet ta’ serq kemm barra, kif ukoll minn ġewwa l-proprjetajiet.
“Tajjeb li niċċara li ħafna minn dawn il-każijiet qegħdin ikunu involuti fihom ċittadini minn pajjiżi terzi li għal xi raġuni jew oħra spiċċaw daħlu u qed jgħixu ġewwa Malta.
L-inkjesta ‘Josef Galea’ kompliet tikkonferma li d-dħul u l-ħruġ ta’ persuni f’ pajjiżna mhix qed taħdem kif suppost u dan huwa ta’ periklu għas-sigurtà tagħna lkoll.
Iż-żieda fil-popolazzjoni konsegwenza tal-fatt li l-mudell ekonomiku ta’ dan il-Gvern kien imsejjes fuq l-importazzjoni tal-ħaddiema wkoll wassal biex il-piż fuq il-Korp tal-Pulizija jiżdied. Din ir-realtà ġdida, li għaliha dan il-Gvern ma kellu ebda pjan jew viżjoni, wasslet biex f’pajjiżna nesperjenzaw realtajiet ġodda li għalihom ma konniex ippreparati. U tabilħaqq lanqas il-Korp tal-Pulizija ma kien ppreparat għal din ir-realtà ġdida.
Fil-passat riċenti smajna stejjer li tappnu l-integrità tal-Korp tal-Pulizija u ċertament ma għenux biex tiżdied il-kunfidenza li jeħtieġ li jkollna fil-mod ta’ kif jitmexxa l-Korp tal-Pulizija.
Joe Giglio kompla li bħala Partit Nazzjonalista għandha nkomplu nisħqu dwar il-ħtieġa urġenti li jiġu mtejba l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-Korp, kemm f’dak li huwa d-dħul tagħhom kif ukoll fl-ambjenti fejn jaħdmu.
“Jeħtieġ li ninvestu aktar fit-taħriġ u fl-appart li tant għandhom bżonn biex jiġġieldu l-kriminalità. Deċiżi li jkomplu jkunu ta’ spalla ma’ dawk l-Pulizija kollha li tabilħaqq għandhom għal qalbhom is-sigurtà ta’ pajjiżna,” qal Joe Gioglio.
Mistoqsi dwar in-nuqqas ta’ sigurtà fost it-tfal u anki fost l-anzjani u wkoll dwar in-nuqqas ta’ sigurtà għal kull wieħed u waħda minna, Joe Giglio qal li iva “l-Gvern ta’ Robert Abela ħoloq kriżi ġdida hekk kif f’pajjiżna għandna nuqqas ta’ sigurtà tat-tfal, nuqqas ta’ sigurtà għall-anzjani u nuqqas ta’ sigurtà għal kull wieħed u waħda minnha. Din in-nuqqas ta’ sigurta’ qed narawha kullimkien.”
Joe Giglio fisser li l-inċidenti ta’ vjolenza qegħdin jiżdiedu bla rażan u dan huwa konferma ta’ nuqqas ta’ sigurtà fit-toroq ta’ pajjiżna. Huwa qal ukoll li l-inċidenti tat-traffiku qed iseħħu ta’ kuljum u għalhekk qed jiżdiedu b’mod allarmanti.
Joe Giglio qal li: “l-Ministru tas-Sigurtà Byron Camilleri tana biss insigurtà, tana l-mentalità ta’ ‘anything goes’ kif ukoll tana Korp tal-Pulizija li jinsab demotivat. Dan għaliex ħafna mill-Pulizija qed jispiċċaw jirreżenjaw kaġun ta’ paga baxxa, sigħat twal ta’ xogħol, kundizzjonijiet ħżiena fl-għasses tal-Pulizija fost affarijiet oħra.”
Joe Giglio insista li f’pajjiżna; “qatt ma kellna dan in-numru ta’ nies li jmutu fil-postijiet tax-xogħol, qatt ma kellna daqshekk imwiet kaġun ta’ inċidenti tat-traffiku, qatt ma kellna daqshekk inċidenti ta’ vjolenza bla rażan.”
Huwa saħaq li dan kollu jagħti konferma ċara li l-Gvern ta’ Robert Abela falla rigward li jagħti garanzija ta’ sigurtà li kull wieħed u waħda minnha.
Joe Giglio enfasizza li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem u jinsisti biex ikun il-gvern alternattiv li pajjiżna tant u tant għandu bżonn.
Mistoqsi mill-ġdid dwar in-nuqqas ta’ motivazzjoni fost il-Pulizija, Joe Giglio qal li hu minnu li l-membri tal-kKorp tal-Pulizija qegħdin jiffaċċjaw ħafna sfidi, mhux biss b’rabta mal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, iżda anke fir-rigward tal-ambjent li qed jaħdmu fih.
Joe Giglio, filwaqt li kompla jitfa’ aktar dawl fuq il-problemi li qegħdin ixekklu l-ħidma tal-Pulizija, qal li huma ħafna l-uffiċjali tal-Pulizija li qegħdin jitilfu l-motivazzjoni għax-xogħol minħabba li l-pressjonijiet dejjem qegħdin jikbru, il-kundizzjonijiet xejn xierqa u l-ambjent li qed jaħdmu fih fosthom għases li huma mitluqa u mhux denji taż-żminijet tal-lum.
Iż-żewġ unions li jirrappreżentaw lill-uffiċjali tal-Pulizija kontinwament qegħdin idoqqu l-allarm dwar is-sitwazzjoni prekarja li jinsab fih il-Korp tal-Pulizija.
Fakkar kif l-MPU qalet li s-sitwazzjoni fi ħdan il-Korp tal-Pulizija qatt ma kienet daqshekk iddisprata hekk kif jidher li l-istrateġija tal-Gvern mhi qed twassal għal imkien, u fakkar ukoll kif l-POU minn naħa tagħha lmentat dwar il-pressjoni kbira ta’ xogħol li qed ikollhom il-membri tagħha u qalet li bħalissa m’hemmx numri biżżejjed ta’ uffiċjali sabiex jintlaħqu l-impenji tax-xogħol li hemm.
Fl-aħħar xhur komplew jitilqu mill-Korp tal-Pulizija mijiet ta’ membri. Il-fatt li qegħdin jitilqu daqshekk uffiċjali qed toħloq konsegwenzi kbar kemm għall-pajjiżna kif ukoll għall-Korp tal-Pulizija, temm Joe Giglio.
//= $special ?>