Żewġ bastimenti tal-merkanzija waslu fil-port ta’ Chornomorsk wara li għaddew minn rotta ġdida fil-Baħar l-Iswed — u fejn l-ekwipaġġ beda jħott madwar 20,000 tunnellata ta’ qmuħ destinati għas-swieq tad-dinja.
L-uffiċjali qalu li din hi l-ewwel darba li l-bastimenti ċivili waslu f’port tal-Ukrajna mindu krolla l-ftehim mar-Russja li kien qed jiggarantixxi s-sigurtà tal-bastimenti li jivvjaġġaw mill-Baħar l-Iswed.
Ir-Russja kienet warrbet mill-ftehim – appoġġjat min-Nazzjonijiet Uniti — li kellu jiffaċilita l-esportazzjoni tal-qmuħ mill-portijiet tal-Ukrajna għaliex, skont il-kelliema f’Moska, ma kenux qed ikunu rispettati xi kriterji tal-ftehim.
Is-sorsi f’Moska qalu wkoll li s-sanzjoijiet imposti mill-Punent kienu qed jillimitaw u jtellfu l-esportazzjoni tal-prodotti agrikoli tar-Russja nnfisha.
Ir-rotta li qabdu dawn iż-żewġ bastimenti, qabel, kienet tintuża biss mill-opri tal-baħar li kienu qed jitilqu mill-Ukrajna.
Il-Viċi-Prim Ministru Ukren, Oleksandr Kubrakov qal li l-bastimenti bl-ismijiet Resilient Africa u Aroyat kienu qed ibaħħru taħt il-bandiera ta’ Palau, il-gżira-Stat fil-punent tal-Paċifiku. L-ekwipaġġi tal-bastimenti, intant, jinkludu Ukreni, Torok, Eġizzjani u xi baħrin mill-Ażerbajġan u l-kunsinni tal-qamħ inkwistjoni huma destinati għall-Eġittu u Iżrael.
L-Ukreni deċidew biex jużaw r-rotta marittima ġdida minkejja li r-Russja kienet qed thedded biex tikkonfrnta lill-bastimenti ċivili fi triqthom lejn l-Ukrajna daqslikieku miri militari potenzjali.
//= $special ?>