Lokali

“L-Unjoni Ewropea trid tpoġġi l-interessi tal-familji fiċ-ċentru tagħha” – il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola

Jekk l-Unjoni Ewropea tibqa’ fissa – bħal kull pajjiż jew saħansitra partit għandha bżonn tirriforma. Sostniet dan ma’ Net News il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola fejn insistiet dwar il-bżonn li l-Unjoni tinbidel u tadatta għaż-żminijiet tal-lum għall-ġid taċ-ċittadini Ewropej…inkluż il-Maltin u l-Għawdxin.

Hija sostniet li l-kontinent għaddej minn perjodu turbolenti, minn kriżi wara l-oħra – kemm ekonomika…kif ukoll ta’ saħħa b’rabta mal-pandemija u issa ta’ gwerra.

Għaldaqstant, Roberta Metsola saħqet li preżentament għadna qed inħossu impatt ekonomiku u soċjali u b’hekk hija sostniet li l-Unjoni Ewropea għandha dover li tpoġġi l-interessi tal-familji fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet tagħha.

Il-President tal-Parlament Ewropew ammettiet li bħala Unjoni Ewropea l-affarijiet dejjem setgħu marru aħjar madanakollu appellat dwar il-bżonn li l-lingwa fi ħdan l-Unjoni tkun waħda aktar sempliċi sabiex verament il-ħidma Ewropea tasal għand kulħadd.

Hija saħqet li preżentament l-Unjoni Ewropea qed taħdem sabiex l-ambjent ikun aħjar, diġitalment isiru l-avvanzi neċessarji, in-nisa jkunu aktar protetti u s-saltna ta’ dritt tkun issalvagwardjata.

Finalment hija temmet tgħid li l-Unjoni għandha tkun aktar flessibbli fid-deċiżjonijiet tagħha sabiex verament l-interessi taċ-ċittadin jiġu mħarsa.