“Dan huwa skandlu – wieħed minn ħafna li qed jimmina d-demokrazija f’pajjiżna – din mhux Malta u Għawdex li jixraqilna.”
Sostniet dan il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola meta fil-jiem li għaddew kienet intervistata minn Net News fejn ġiet mistoqsija dwar l-aħħar skandlu li fih hemm involuti l-Partit Laburista u Kastilja b’mod dirett.
Roberta Metsola sostniet li f’dan il-każ hemm involuti persuni li mingħalihom li huma ‘l fuq mil-liġi; nies li jabbużaw minn oħrajn sabiex jiprovaw jilħqu għan politiku.
Hija insistiet li l-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu li jkollu fiduċja fil-politiċi tiegħu u ma jistax ikun li wara skandlu bħal dan qisu xejn m’hu xejn.
Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa minn naħa tiegħu insista li l-Gvern qiegħed jitfa’ għajnejn l-Unjoni Ewropea fuq pajjiżna għalxejn.
Huwa sostna li l-Gvern Laburista, mmexxi minn Joseph Muscat u Robert Abela, baqa’ jisraq mill-bwiet tan-nies vulnerabbli u jieħu l-flus li suppost imorru għal nies li huma l-aktar fil-bżonn…biex jisraq il-voti.
Fl-aħħar jiem, David Casa avża lil uffiċjali għolja ta’ istituzzjonijiet Ewropej b’dan l-aħħar skandlu ta’ frodi fl-għoti ta’ benefiċċji soċjali – b’dawk li ġew notifikati jinkludu l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u l-Viċi President Vera Jourova.
//= $special ?>