Stħarriġ tal-opinjoni pubblika kkummissjonat privatament mill-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli – stħarriġ iffukat fuq il-Ħames Distrett Elettorali – wera li l-istess Miriam Dalli mhux biss tilfet ħafna mill-popolarità li kellha, iżda llum membri oħrajn tal-Kabinett qegħdin quddiemha fil-popolarità fl-istess Distrett Elettorali.
Sorsi infurmati li fil-jiem li għaddew tkellmu ma’ Il-Mument qalulna li fil-ġimgħat li għaddew l-Eks Ewroparlamentari Miriam Dalli kkummissjonat stħarriġ privat tal-opinjoni pubblika ffukat fuq il-Ħames Distrett Elettorali. L-iskop ta’ dan l-istħarriġ kien biex Miriam Dalli tkun taf fejn qegħda fil-konfront tal-popolarità li tgawdi fost il-kostitwenti tal-Ħames Distrett.
Jirriżulta minn dan l-istħarriġ li Miriam Dalli – wara s-sajf diżastruż ta’ qtugħ ripetut fil-provista tal-elettriku – tilfet ħafna mill-appoġġ u l-popolarità tagħha fil-Ħames Distrett Elettorali. Tajjeb li nfakkru li fl-Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu tas-sena l-oħra, il-Ħames Distrett Elettorali kien magħmul minn Birżebbuġa, Ħal Kirkop, l-Imqabba, Ħal Farruġ f’Ħal Luqa, il-Qrendi, Ħal Safi, iż-Żurrieq u Bubaqra fiż-Żurrieq.
Ta’ min josserva li dawn il-lokalitajiet matul is-sajf li għadda kienu fost l-aktar li sofrew mill-qtugħ fis-servizz tad-dawl sal-punt li anki waqt il-festa taż-Żurrieq, iż-Żrieraq dilettanti kellhom qalbhom imtertqa kif setgħu jiċċelebraw il-festa bit-theddida kontinwa tal-qtugħ tad-dawl.
Jiġifieri parti mid-disfatta ta’ Miriam Dalli f’dan l-istħarriġ toħroġ ukoll minn dan il-fatt ta’ falliment… ċioè r-rabja tan-nies fil-lokalità tal-Ħames Distrett Elettorali għall-falliment tal-Gvern – ta’ Miriam Dalli – milli jkun ta’ serħan tal-
moħħ fil-garanzija tal-provista tal-elettriku… aktar u aktar meta t-temperaturi fuq pajjiżna kienu qegħdin jilħqu livelli għolja ħafna.
L-aktar li Miriam Dalli hi inkazzata bir-riżultat ta’ dan l-istħarriġ hu għall-fatt li kollegi tagħha mill-istess Ħames Distrett Elettorali – Owen Bonnici, Stefan Zrinzo Azzopardi u Julia Farrugia Portelli – ilkoll qabżuha fil-popolarità li jgawdu f’dan id-Distrett Elettorali.
Jirriżulta minn dan l-istħarriġ li Owen Bonnici hu l-aktar popolari, warajh Stefan Zrinzo Azzopardi u mbagħad Julia Farrugia Portelli. Il-messaġġ tan-nies f’dan id-Distrett Elettorali hu ta’ twissija kbira lil Miriam Dalli… fis-sens li aħjar baqgħet fejn kienet fil-Parlament Ewropew milli bħala Ministru tal-Enerġija fejn ma tifhimx akka!
Naturalment dan l-istħarriġ niżel għasel ma’ ta’ Kastilja li f’Miriam Dalli jaraw theddida għal Robert Abela li anqas ma kellu sajf faċli wara d-deċiżjonijiet żbaljati u ripetuti li ħa u li wkoll telfuh ħafna mill-popolarità li kien igawdi fil-Partit Laburista.
Ta’ Kastilja jafu tajjeb li Miriam Dalli – grazzi għal dak kollu li ġara matul is-sajf li resqin lejn tmiemu – ħadet daqqa kbira ’l isfel bħala kandidat prospettiva għat-Tmexxija tal-Partit u tal-pajjiż. Sadattant, iżda, kandidati prospettiv oħrajn jibqgħu janalizzaw ix-xenarju kif qiegħed jiżviluppa għaliex fil-fatt it-tliet kandidati prospettivi għat-Tmexxija tal-Partit Laburist – l-istess Miriam Dalli, Clyde Caruana u Silvio Schembri – ukoll kellhom sajf turbolanti fid-diversi forom tiegħu. Dan jista’ jfisser li fix-xenarju attwali jista’ jkun hemm kandidati oħrajn li s’issa żammew il-karti u l-pjani tagħhom moħbija.
Fosthom l-Eks Ministru tal-Infrastruttura u t-Toroq Ian Borg li jista’ jagħti l-każ li jerġa’ jirritorna fuq quddiem nett tat-tiġrija hekk kif hu sigriet magħruf li l-Ministru tat-Toroq Aaron Farrugia hu non starter bil-pajjiż ikompli jegħreq ma’ kull ħalba xita li tagħmel u dan apparti l-frajjeġ tiegħu, fosthom id-diżastru li għamel fl-Għadira.
//= $special ?>