Minkejja l-laqgħat jaħarqu tal-Kabinett tal-Ministri, b’Segretarji Permanenti u ‘Esperti’ oħra fil-mira ta’ wħud mill-Ministri hekk kif it-tħejjijiet għall-Baġit tas-sena d-dieħla issa daħlu f’fażi kritika, għal Robert Abela importanti aktar milli s-sugu hu l-effetti pożittivi li jistgħu joħorġu minn dan il-Baġit. Għal Robert Abela, jimportah biss minn żewġ fatturi.
Wieħed hu l-eżerċizzju aggressiv ta’ marketing li jrid isir b’rabta ma’ dan il-Baġit u, it-tieni, li fil-bidu tas-sena d-dieħla u lejn l-aħħar ta’ Mejju tas-sena d-dieħla jintbagħtu eluf ta’ ċekkijiet fid-djar tal-elettorat.
Robert Abela għandu pariri mill-Kitchen Cabinet tiegħu li biex jirpilja ftit mit-telf ta’ popolarità li kellu fl-aħħar xhur, u allura jrid jippreżenta Baġit b’ħafna xenxilli u kuluri. Importanti wkoll li ssir kampanja aggressiva ta’ marketing biex fl-imħuħ tan-nies jiddaħħlu perċezzjonijiet pożittivi.
Il-Kitchen Cabinett ta’ Robert Abela qiegħed jinsisti li dan l-eżerċizzju aggressiv ta’ marketing għandu jsir fuq diversi livelli u għal diversi raġunijiet, fosthom biex il-Baġit jitwassal tajjeb fid-djar tan-nies, fil-postijiet tax-xogħol u kullimkien u ma titħalliex tiddaħħal l-istampa veritiera tad-defiċit rekord li għandu pajjiżna kaġun għat-tberbiq bl-addoċċ tal-Gvern.
Imma hemm ukoll l-importanza ta’ eżerċizzju ta’ marketing aggressiv għaliex dan irid jimbotta lill-Gvern Laburista lejliet l-elezzjonijiet tas-sena d-dieħla… kemm l-elezzjoni għall-ħatra tal-Membri Parlamentari Maltin għall-Parlament Ewropew kif ukoll għall-ħatra ta’ Sindki u Kunsillieri ġodda għal-leġiżlatura li jmiss.
Grazzi għal din il-kampanja, il-Gvern ikun qiegħed jaġevola lill-Partit Laburista fit-twassil tal-messaġġ tiegħu… ċioè dik li l-poplu Malti u Għawdxi jkun aljenat mill-problemi vera li għandu quddiemu pajjiżna.
Skont is-sorsi infurmati li tkellmu ma’ Il-Mument, għall-Kitchen Cabinet l-aktar ħaġa importanti hu li Robert Abela jibda jirpilja u li jintesa l-uġigħ ta’ kuljum u jagħti l-vot tiegħu lill-Partit Laburista.
Hi katina b’sensiela twila ta’ problemi mill-aktar serji li qiegħed jiffaċċja bħalissa l-poplu Malti u Għawdxi… fosthom l-għoli tal-ħajja, l-għoli tal-mediċini, settur tas-saħħa dejjem ibatti fil-kwalità tiegħu, il-popolazzjoni esaġerata li hawn f’pajjiżna, in-nuqqas ta’ serħan il-moħħ, it-traffiku insapportabbli, il-korruzzjoni, is-serq…
Il-Kitchen Cabinet qiegħed jantiċipa li din se tkun il-kritika prinċipali għal Robert Abela fil-konfront tal-Baġit. Kritika mill-imsieħba soċjali li jafu ben tajjeb li l-formula attwali dwar kif tinħadem il-COLA mhix waħda ġusta bir-riżultat li qegħdin jiżdiedu dawk li qegħdin jgħixu fil-faqar jew inkella li huma f’riskju kbir li jispiċċaw ikollhom ikunu kostretti li jgħixu fil-faqar.
Is-soluzzjoni għal Robert Abela f’dan ix-xenarju kollu huma ċ-ċekkijiet li mistenni li jibgħat fil-bidu ta-sena li ġejja u wkoll iċ-ċekkijiet li mistenni jintbagħtu f’Mejju li ġej… prorprju ftit ta’ jiem biss mill-elezzjoni tat-8 ta’ Ġunju li ġej.
Niżvelaw ukoll kif anki d-dar tal-anzjani li l-Gvern Laburista ilu jwiegħed li se jiftaħ f’Għajnsielem f’Għawdex, issa qegħdin isiru l-attentati iddisprati kollha biex din tiftaħ qabel Mejju li ġej biex fiha jintbagħtu anzjani Għawdxin.
Iżda dwar x’qiegħed jinħema mill-Ministru Clint Camilleri – li ma jridx lil Jo-Etienne jidħollu fl-għalqa tiegħu – nirrapportaw aktar ’il qudddiem. Lin-nies tal-Ministru Clint Camilleri għalissa nħalluhom ikomplu jagħmlu ċerti telefonati fid-djar, ċerti wegħdiet lil ċerti anzjani u familjari tagħhom u nħalluhom ukoll jikkompilaw il-listi fil-Ministeru ta’ Għawdex!
//= $special ?>