Internazzjonali Lokali

“Tara t-tbatija f’għajnejn it-tfal speċjalment dawk li tilfu xi ħadd mill-familja” – l-Isqof Overend Rigillo

Libya, Darnah, Cyrenaica Region, 11 September 2023In the photo: a boy pulls a suitcase past debris in a flash-flood damaged area in Derna, eastern Libya, on September 11, 2023. Flash floods in eastern Libya killed more than 2,300 people in the Mediterranean coastal city of Derna alone, the emergency services of the Tripoli-based government said on September 12.Please be sure to include the photographers' credit in a watermark on the photo/ in the caption/ in the post text. Photo: © AFP

It-tbatija f’għajnejn iċ-ċkejkin, persuni mingħajr saqaf fuq rashom b’tebqa t’għajn…ħerba sħiħa.

Kien dan li baqa’ jberren u jhewden f’moħħ l-Isqof Malti għal Benghazi, Sandro Overend Rigillo meta żar Derna wara l-maltempata Daniel li laqtet lill-Belt fl-aħħar jiem.

Maltempata li ħalliet ‘il fuq minn 11,000 vittma; ammont li skont rapporti fil-midja, saħansitra kapaċi jlaħħaq l-20,000 hekk kif eluf oħra għadhom irrappurtati neqsin.

Iżda żgur li ma jinsiex il-ħarsa ta’ tbatija fit-tfal ċkejknin.

“Fit-toroq tarahom xi ftit konfużi,” qal Fr Sandro. “Dik in-nofs tbissima taraha iżda tara t-tbatija f’għajnejhom, speċjalment jekk tilfu xi ħadd mill-familja.”

U waqt li għexieren ta’ eluf ta’ Libjani qed jiffaċċjaw futur mill-aktar inċert, kien ikkonfermat li talanqas 30,000 spiċċaw jitilfu djarhom fl-għargħar.

“Aħna tellajnilhom ilma, kutri, ħobż,” qal Fr Sandro. “Tellajna wkoll ħelu għat-tfal hekk kif dawn qed ibatu għax ma jifhmux. Dan hu bidu ta’ għajnuna mill-Knisja ta’ Benghazi.”

L-Isqof, jinsan f’Benghazi, li wkoll esperjenzaw xi ftit jew wisq mill-effetti tal-maltempata ‘Daniel’ għalkemm vittmi ma kienx hemm. Hu, flimkien ma’ delegazzjoni Maltija, telgħu Derna biex jagħtu l-għajnuna tagħhom fejn iddiskriva dak li ra quddiem għajnejh.

“Il-baħar is-soltu jkun kristall, kif nafu aħna,” qal Fr Sandro. “Rajna kilometri sħaħ imla bit-tajn. L-ewwel ħaġa li rajna u għidna x’diżastru ħalla dan kollu. Ma stajnix immorru n-naħa l-oħra għax l-pontijiet tfarku u ma stajnix ngħaddu.”

Sorsi qed jgħidu li t-tama li jinstabu aktar nies ħajjin dejjem qiegħda tonqos iżda għadha għaddejja ħidma intensiva sabiex jiġu salvati aktar nies dan filwaqt li l-vittmi mistennija li jkompli jiżdiedu matul is-sigħat.

Biex jagħtu l-għajnuna tagħhom, bil-Belt marru Membri mill-Protezzjoni Ċivili minn pajjiżna li permezz tal-ħidma tagħhom insabu ‘il fuq minn 400 katavru f’bajja f’Derna. Sfortunatament, fost il-vittmi kien hemm ukoll numru ta’ tfal; xeni li ġew deskritti bħala tal-waħx.

“Meta tara ġġib qalbek żgħira għax lanqas ikollok kliem x’tgħid,” qal Fr Sandro. “Is-silenzju kważi jitkellem aħjar mill-kliem għax il-qalb tħobb.”