Lokali Qorti

30 sena ħabs fuq qtil permezz ta’ 10 daqqiet ta’ sikkina

Żagħżugħ ta’ 29 sena mis-Sudan ġie kundannat 30 sena ħabs wara li ammetta flok għadda ġuri quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera li fl-24 ta’ Lulju tas-sena l-oħra, f’jum il-Ħadd filgħaxija ta 10 daqqiet ta’ sikkina lil raġel ieħor fil-Marsa li spiċċa biex tilef ħajtu. Il-vittma qala’ diversi daqqiet ta’ sikkina f’diversi partijiet ta’ ġismu u tilef ħafna demm.

Mill-provi rriżulta li Ali Mahy Ezzo Saeed kien inżamm minn persuni fil-qrib sakemm waslet il-pulizija fuq il-post. Il-qtil kien seħħ għall-ħabta tas-6.30pm fi Triq Patri Felicjan Bilocca. Il-vittma sofra erba’ daqqiet ta’ sikkina f’sidru u f’dahru u f’partijiet oħra ta’ ġsimu miet ftit wara li ddaħħal l-isptar.

Meta tressaq l-akkużat kien wieġeb mhux ħati taż omiċidju u ċaħad ukoll l-akkużi li ġarr sikkina mingħajr liċenzja tal-pulizija, ġarr l-arma waqt li kien qed jagħmel reat, u volontarjament kiser il-paċi pubblika. Is-Sudaniż ammetta li qatel lil Mahmoud Adly Qasim Gouda), ta’ nazzjonalità Egizzjana li kellu 25 sena.

Mill-investigazzjoni tal-Pulzija ħareġ li l-akkużat b’mod brutali qabad u tah bis-sikkina u dan skond ir-relazzjoni tal-espert medico legali Dr Edward Basile Cherubino. Jirriżulta bħala fatt li Mohammed Adly Qassem miet bhala kagun ta’ xokk kardijaku fuq in-naħa tax-xellug li wasslet għall-penetrazzjoni ta’
ferita ta’ sikkina fuq in-naħa tax-xellug tas-sider. Dan kif iċċertifikat mill-patoloġisti nominati fl-inkejsta,
Dr David Pisani u Dr Ali Safraz.

Minn ezami tal-atti jirriżulta li l-aggressur inżamm fuq il-lok tal-inċident minn numru ta’ persuni li kienu raw lill-aggressur jagħti diversi daqqiet ta’ sikkina lill-vittma u dan sakemm waslu fuq il-post il-pulizija li arrestaw u ħadu fil-kustodja tagħhom lill-istess aggressur ghal aktar investigazzjoni.

Jirrizulta li kien hemm min ra lill-akkużat jagħti d-daqqiet tas-sikkina fosthom Ambali Mohammed li qal fix-xhieda tiegu li ra lill-akkużat jaghti bis-sikkina raġel ta’ karnaġġjon bajda. Dan beda jgħajjat u jgħidlu biex jieqaf.

Qal li ħass li kien qed jiġġenen jarah jagħti bl-addoċċ u kullimkien f’żaqqu, f’sidru u fuq qalbu. Sakemm fl-aħħar rah mal-art f’għadajjar ta’ demm. Dan ix-xhud jgħid ukoll li l-aggressur ried jitlaq jiġri iżda żammu u ra li jċempel lill-pulizija.

F’ħin minnhom jgħid lil-aggressur ta is-sald u telaq jiġri u żammu minn saqajh milli jaħrab. Sesey Abdullah ukoll jiddiskrivi l-manjera brutali li eżerċita l-aggressur meta beda jagħti bla ħniena lill-vittma. Jiddiskrivi il-varji daqqiet ta’ sikkina li tah fuq ġismu bla rażan u li ma riedx jieqaf b’xejn .

Jghid li rah joħroġ sikkina mill-qalziet tiegħu li kienet ġo speċi ta’pouch. Nehhiħa mill-pouch u ta żewġ daqqiet f’dar il-vittma u appena il-vittma dar tah daqqa ta’ sikkina f’qalbu. Talbu biex jieqaf minn
din l-aggressjoni iżda kien għal xejn ghax baqa’ ghaddej.

L-aggressur baqa’ isegwi lill-vitma u appena laħqu tah daqqa ta’ sikkina oħra fuq zaqqu. Rah itieh ħames daqqiet ta’ sikkina, darbtejn f’daru, darbtejn fuq sidru u darba fuq żaqqu. Mar jiġri lejn l-għassa tal-Marsa iżda ma kienx hemm pulizija. Imbagħad ċempel l-għassa tal-Hamrun u talab għall-assistenza.

Wara ra l-aggressur jiġri u l-vittma jiġri warajh u wara jara il-vitma jaqa’ mal-art . Kullħadd beża mill-aggressur iżda huwa ġera warajh u qabdu u rażnu bl-għajnuna ta’ neis oħra li kienu hemm jgħinuh. Malli ġew il-pulizija qalilhom li l-aggressur kellu sikkina u dan sabiex jieħdu ħsieb persunthom ukoll.

Mistoqsi x’kienet il-problema jgħid li ma jafx pero jaf li l-vittma kien qed jixrob qabel ma ġie ferut. Ahmed Feysal Khalid u Lucky Polo ukoll ikkonfermaw dak li kien ġara u cioe’ li kien l-aggressur li attakka lill-vitma.
Il-Qorti qalet li ma tistax tħalli lil min jaħseb li jista’ jaqbad u iferri nies ta’ xejn b’xejn u ma isibx l-id tal-ġustizzja li tikkundannah. Illi dak li għamel l-akkużat mhu xejn hlief aġir barbaru bla qies.

Il-Qorti qiset il-fatt li l-akkużat irreġistra ammissjoni u għalhekk iffranka l-ħin prezzjuz tagħha u in oltre ġew salvati flejjes publiċi u ħin prezzjuż tal-amminsitrazzjoni tal-ġustizzja u gġalhekk dan hu fattur li din il-Qorti qieset meta ġiet biex terroga l-piena.

Pero ma tistax minn naħa l-oħra ma tipproteġix iċ-ċittadini tagħha u tara li jkun hemm il-kalma u nuqqas ta’ perikolu fit-toroq. Dan hu reat mill-iktar kiefer u għalhekk il-piena għandha tirrifletti dan il-fattur. Ir-reat ta’ omiċidju volontarju jgorr miegħu piena ta’ għomor il-ħabs pero f’dawn ic-ċirkostanzi ta’ ammissjoni bikrija, jiġġustifikaw li jkun hemm tnaqqis fil-piena u għalhekk ma bagħtitx lill-akkużat sabiex jagħmel għomru l-ħabs.

U għalhekk tikkundannah 30 sena priġunerija effettiva u multa ta’ 116.47 ewro. Tordna wkoll li ż-żmien li l-akkużat għamel tahħ arrest preventiv jiġi mnaqqas mill-perjodu ta’ ħabs impost b’din is-sentenza.
Tordna ukoll il-konfiska favur il-Gvern ta’ Malta tal-oġġetti kollha li dwarhom sar ir-reat u l-konfiska favur il-Gvern ta’ Malta ta’ kull flejjes jew proprjetà mobbli u immobbli ohra tal-ħati. L-Ispetturi Shaun Pawney u Roderick Spiteri kienu nvestigaw il-każ. L-avukat Jason Grima kien l-avukat difensur.