Waqt żjara fis-Soup Kitchen tal-Belt, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech faħħar ix-xogħol li jsir mill-Franġiskani illi jmexxu din l-inizjattiva. Filwaqt illi sostna kemm hu importanti x-xogħol tal-volontarjat sabiex tingħata għajnuna lil dawk fil-bżonn.
Bernard Grech għamel referenza għall-fatt li hawn diversi persuni li għandhom bżonn għajnuna ġenwina, iżda hemm ċertu nies li qed jieħdu benefiċċji li huma mgħandomx bżonn, u li l-Gvern hu kompliċi – dan b’rabta mar-racket dwar il-benefiċċji soċjali.
Waqt din iż-żjara, Bernard Grech għen ukoll fix-xogħol volontarju, hekk kif ta daqqa t’id lill-voluntieri l-oħrajn li kienu qed iqassmu l-ikel lil dawk preżenti.

Hu rringrazzja lil dawk kollha li jgħinu fi ħdan din il-kċina, kif ukoll lil dawk li jagħtu l-ikel b’xejn lill-Franġiskani – ikel li jitma madwar 120 persuna kuljum. Għal din iż-żjara kien hemm ukoll preżenti il-Membri Parlamentari Nazzjonalisti Ivan Bartolo, Graziella Galea u Albert Buttigieg.
Din is-sena, is-Soup Kitchen kisbet il-Premju Ċittadin Ewropew wara li kienet ġiet nominata mill-MEP Nazzjonalista David Casa.



F’kummenti ma’ Net News, Patri Marcellino Micallef irrefera għall-faqar li hawn f’pajjiżna filwaqt li semma’ kif kuljum ikollom persuni ġodda li jmorru fis-Soup Kitchen għall-għajnuna.
Net News tkellem ukoll ma’ voluntiera li kien hemm preżenti, fosthom ma’ rappreżentant mill-Oratorju Marija Immakulata tal-Mosta, illi ħadu grupp ta’ addoloxxenti jagħmlu xogħol ta’ volontarjat fil-kċina.

Voluntier ieħor li jgħin fil-kċina kompla jenfasizza l-importanza ta’ post bħas-Soup Kitchen għas-soċjeta tagħna.
Matul iż-żjara tiegġu fis-Soup Kitchen, Bernard Grech insista li l-Partit Nazzjonalista ser ikompli jistinka biex jaħdem favur id-drittijiet ta’ kull persuna.

