Knisja Lokali

Caritas Malta b’ċelebrazzjoni Ewkaristika fl-20 ta’ Settembru

Caritas Malta se tiċċelebra l-Jum Dinji tal-Anzjani permezz ta’ quddies nhar l-Erbgħa 20 ta’ Settembru fl-10 ta’ filgħodu, fil-Bażilika minuri ta’ Kristu Re, f’Raħal il-Ġdid.

Din iċ-ċelebrazzjon se tkun immexxija mill-Monsinjur Isqof Ġorġ Frendo flimkien mal-Monsijnur Charles Cordina Vigarju Episkopali għad-Djakonija u animata minn Andrew Cauchi.

Qed issir stedina għall-anzjani kollha; anzjani mill-parroċċi kollha ta’ Malta kif ukoll mir-residenzi tal-Anzjani kemm dawk tal-Istat, tal-Knisja u tal-privat, dawk fil-komunità, u miċ-ċentri soċjali biex jattendu għal din iċ-ċelebrazzjoni. Fl-aħħar tal-quddies tingħata tifkira memorattiva u wkoll snack.

Hi grazzja kbira li jkollna nies anzjani fis-soċjetà tagħna, kemm jekk huma familja, ħbieb jew membri tal-komunità ta’ fejn ngħixu, nirrekreaw ruħna jew fejn naħdmu.

L-anzjani huma għajn ta’ għerf, esperjenza u għandhom ħafna x’jirrakkuntaw.

Huma għandhom il-kapaċità li jispirawna biex ma naqtgħux qalbna jew jiftħulna għajnejna meta jarawna deħlin f’xi saram li ma nkunux indunajna bih mill-ewwel.

Għandna nħarsu lejhom bħala gwidi tagħna kull fejn dan hu possibbli. Sfortunament spiss ninsew jew għar minn hekk ninjoraw lill-persuni anzjani fil-ħajja tagħna.

Dan hu wieħed mill-ħafna raġunijiet għaliex għandna niċċelebraw Jum Dinji tal-Anzjani li ssir kull l-1 ta’ Ottubru.

Caritas Malta ilha għal diversi snin (din is-sena qed tiċċelebra il-55 anniversarju mit-twaqqif tagħha) li ħadmet u waqqfet diversi servizzi ta’ ġid mal-Anzjani.

Dan is-servizz hu magħruf bħala HelpAge. Wieħed minn dawn is-servizzi li jispikka hu dak taċ-Ċentri Soċjali għall-Anzjani fil-parroċċi madwar Malta mal-anzjani, għax dawn iċ-ċentri li jinfetħu darba fil-ġimgha huma mmexxija minn voluntieri anzjani li jirċievu taħriġ u gwida minn Caritas Malta.

Iċ-ċentri soċjali huma mezz biex intaffu xi ftit mis-solitudni li spiss ħafna anzjani jgħaddu minnha. Bi ħġarhom jattendu għall-ħarġa kemm jekk jibqgħu fiċ-ċentru tal-parroċċa u aktar meta din tkun ħarġa ghal xi coffee morning jew attività ta’ interess għall-anzjani. Laqghat ta’ interess ġenerali huma parti minn dawn l-attivitajiet għax l-anzjan jeħtieg li jkompli jinforma ruħu dwar dak li qed iseħħ madwaru u hekk iħossu parti mill-komunità li jgħix fiha.

B’hekk nhar l-Erbgħa 20 ta’ Settembru fl-10 ta’ filgħodu se tkun ġurnata ferm mistennija hekk kif madwar elf anzjan jinġabru fil-Bażilika Minuri biex jiċċelebraw li huma anzjani u li għandhom x’joffru lill-Knisja u lis-Soċjetà inġenerali.