Lokali Qorti

Uffiċjal tal-Gvern xahrejn qabel l-aħħar elezzjoni kien wissa: “Se ġġelduni mal-kuntratturi”

Memo tal-kabinett li jipproponi konsultazzjoni pubblika dwar regolamenti ġodda għas-settur tal-kostruzzjoni ngħata l-ġemb xahrejn qabel l-aħħar elezzjonijiet biex jiġi evitat kunflitt mal-kuntratturi tal-bini, semgħet l-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia.

Kieku dawn ir-regolamenti daħlu fis-seħħ il-mewt ta’ Jean Paul Sofia kienet tiġi evitata. Din l-istqarrija, flimkien mal-abbozz ta’ liġi nnifsu ġiet ippreżentata lill-inkjesta pubblika mill-avukat Jason Azzopardi, wara li talab jixhed biex jagħti aktar informazzjoni dwar il-każ.

Dr. Azzopardi stqarr li uffiċjal għoli tal-gvern kien tkellem miegħu wara l-mewt ta’ Jean Paul Sofia, fejn qallu li r-regolamenti li l-gvern kien wiegħed li jipproponi dwar ir-regolamentazzjoni tal-kuntratturi, kienu diġà ġew abbozzati, iżda dawn ġew imblukkati mill-Kabinett.

L-Avukat Anthony Borg mill-uffiċċju tal-Avukat tal-Istat irrimarka li dawk id-dokumenti tal-kabinett, m’għandhomx isiru pubbliċiu dan għax dak li jiġi diskuss fil-kabinett, qal l-Avukat huwa sigriet u allura ma jista jitqies bħala prova.

Madankollu l-Imħallef Joseph Zammit McKeon, Chairman tal-Bord ta’ Inkjesta qal li l-bord se jaċċetta d-dokumenti għax irid li tkun magħrufa il-verità kollha. “Point taken” imma d-dokumenti qegħdin hawn biex jibqgħu, għal dak kollu li jiswew, tajjeb jew ħażin. Qegħdin hawn għat-tfittxija tal-verità.”

Dan ħareġ fil-ħames seduta li fiha l-Bord kompla jisma’ x-xhieda, liema Bord qiegħed jitmexxa miċ-Chairperson l-Imħallef Emeritu Dr Joseph Zammit Mckeon, l-awditur ġenerali Charles Deguara u l-Perit espert tal-Qorti Mario Cassar.

L-Avukat Azzopardi ppreżenta lill-Bord ta’ inkjesta dokumenti li ngħataw lilu u li dan l-uffiċjal abbozz ta’ liġi ffirmat mill-Ministru Aaron Farrugia u mis-Segretarju Parlamentari Chris Agius. L-abbozz, skont ix-xhud, tressaq quddiem il-Kabinett fl-2021 u kellu l-għan li jirregola u jagħti liċenzja lill-kuntratturi, kif ukoll jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-livell ta’ ħiliet tal-ħaddiema tal-kostruzzjoni.

Industrija tal-Wild West

Sadaniitant ċ-Chairman tal-inkjesta pubblika dwar il-mewta traġika ta’ Sofia qabbel l-industrija tal-kostruzzjoni ma’ dik tal-‘Wild West.’ Dan meta kien qed jagħti x-xhieda tiegħu għat-tieni darba l-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi.

Il-Ministru qal li “Illum l-entitajiet se jkunu jistgħu jikkomunikaw aħjar u ċerti nuqqasijiet jistgħu jiġu mmarkati.” L-Imħallef Zammit McKean qal li r-raġuni għall-BCA (l-Awtorita tal-Bini u Kostruzzjoni) hija li tirregola l-kostruzzjoni. “Imma jidher li biss fejn ikunu involuti terzi persuni”,”Il-bqija dan huwa kollu “Wild West!”, qal iċ-Chairman tal-Bord ta’ Inkjesta.

“Mis-seduti preċedenti, sirna nafu kif il-proġett ta’ Kordin sgiċċa minn xquq regolatorji għax ma kellu impatt fuq l-ebda bini ta’ terzi persuni” qal iċ-Chairman. Il-Ministru hawn iffoka fuq bini ‘stand alone’, bħall-fabbrika ta’ Kordin, li tħalliet tinbena b’sorveljanza minima.

Qal li hemm proċess ta’ reviżjoni kontinwu speċjalment l-obbligu li jkun hemm kopertura ta’ assigurazzjoni, minkejja li m’hemm l-ebda parti terza,” hu qal. Dwar il-kodiċijiet tal-bini, sostna li kien hemm abbozzi u diskussjonijiet u li l-aħħar abbozz għandu jiġi diskuss iżda l-focus tiegħu se jkun fuq kodiċijiet tal-bini rigward it-twaqqigħ u t-tħaffir.

Hemm ħafna aktar xi jsir – Il-Ministru

Il-Ministru saritlu wkoll mistoqsija diretta miċ-Chairman tal-Bord: ‘Int kuntent bil-president tal-BCA’.
Il-Ministru qal li x-xogħol fil-BCA għadu għaddej u qed jitjieb, u ta’ min ifakkar li hija entità żagħżugħa. Hemm proċess ta’ simplifikazzjoni. L-awtorità qed tagħmel il-preżenza tagħha. Iva, hemm aktar xi jsir. Il-Ministru qal li qed isiru avvanzi taħt id-direzzjoni. tas-CEO u l-Bord.”

Qabel ma xehed il-Ministru Zrinzo Azzopardi ppreżenta xi dokumenti. Wara ċ-chairman tal-inkjesta qal li kien qed jagħti l-opportunità lill-Ministru biex iwieġeb għal xi dikjarazzjonijiet. Zammit McKeon staqsa: “Nemmen fid-dritt għal smigħ ġust. Ċerti xhieda għamlu xi dikjarazzjonijiet hawn. Għandek xi kummenti x’tagħmel biex nisimgħu l-opinjoni tiegħek ukoll? Int taf għal min qed nirreferi?”

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li kien qed jassumi li qed jirreferi għal kummenti li għamel l-eks chairman tal-Aġenzija tal-Bini u Kostruzzjoni, Karl Azzopardi. F’seduta preċedenti kien qal li rriżenja mill-kariga tiegħu wara nuqqas ta’ qbil mal-ministru dwar il-pjan tat-triq ‘il quddiem għall-awtorità.

“Hemm proċeduri quddiem it-Tribunal Industrijali,” qal il-Ministru. “Nista’ ngħid li kien hemm diskussjonijiet ma’ Azzopardi li qies li kien xieraq li jressaq ir-riżenja tiegħu. Il-kliem eżatt li ntuża kien ‘li kien lest li jimxi ‘l quddiem’.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi ġie mistoqsi dwar id-diversi awtoritajiet responsabbli mill-aġenzija tal-kostruzzjoni u kif dawn jikkomunikaw. Is-sistemi ta’ informazzjoni huma kompatibbli bejn l-awtoritajiet?
Ix-xhud qal li meta twaqqfet il-BCA, is-sistema ta’ informazzjoni tagħha kellha ssegwi dik tal-Awtorità tal-Ippjanar.

L-Imħallef Joseph Zammit McKeon staqsa lill-Ministru tal-Ippjanar dwar ir-rwoli u l-koordinazzjoni bejn il-BCA, l-OHSA u l-Awtorità tal-Ippjanar, u qal li l-bord jixtieq ikollu s-serħan il-moħħ li dawn l-entitajiet jikkomunikaw waqt l-isforzi tagħhom ta’ infurzar.

Zrinzo Azzopardi wieġeb billi stqarr li minkejja li sseħħ koordinazzjoni bejn l-entitajiet, dawn qatt ma jistgħu jiġu ttrattati bħala l-istess entità peress li, “ir-rwoli tagħhom huma kompletament differenti”. L-Awditur ġenerali u membru tal-panel Charles Deguara staqsa dwar it-taħriġ tal-ispetturi.

Il-Ministru qal li l-ispetturi tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol huma mħarrġa dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà bħal railings, li jkun fihom trab mill-kostruzzjoni eċċ.

Jekk xi ħaġa ma tkunx sew għandhom jitwaqqfu x-xogħolijietZammit McKeon

Dwar jekk għandhomx responsabbiltà li jimmonitorjaw jekk ix-xogħlijiet humiex konformi mad-disinji tal-kostruzzjoni – jiġifieri għall-BCA, li l-ispetturi tagħha jaraw jekk ix-xogħlijiet isirux skont id-direzzjonijiet tad-dikjarazzjoni tal-metodu.

“Imbagħad huwa f’idejn il-perit li jiċċekkja jekk ix-xogħol isirx skont id-direzzjonijiet ta’ perit”. Hawn
iċ-Chairman tal-Inkjesta ma kienx konvint b’din l-ispjegazzjoni dwar diversi responsabbiltajiet. “Mela għandna difett fis-sistema, Ministru,” Zammit McKeon qal lix-xhud. “Qed niddependu fuq l-awtoregolamentazzjoni.”

L-Imħallef Zammit McKeon issuġġerixxa li jekk uffiċjal tal-OHSA jħoss li xi ħaġa mhix sew, anke jekk tkun fil-kompetenza ta’ perit, għandu jċempel lill-perit u jgħidlu biex imur fuq il-post immedjatament jew inkella jitwaqqfu x-xogħlijiet.

“Xi ħadd irid jerfa’ r-responsabbiltà. Xi ħadd irid jaġixxi. Għax xi ħadd jaqa’ mis-sistema u hemmhekk jista’ jiġri inċident,” jgħid. Il-Ministru qal li hu miftuħ biex jisma’ proposti u jirrikonoxxi l-ħtieġa li tiġi eżaminata r-responsabbiltà ta’ kull plejer.

Qal li talab lill-fakultà tal-liġi biex tiġbor il-liġijiet relattivi kollha fil-qasam biex tidentifika kwalunkwe lakuna. “Il-mistoqsija hija din: fejn tieqaf ir-responsabbiltà tad-detentur tal-warrant? Jekk inpoġġu r-responsabbiltà tad-disinn fuq il-perit, dak il-perit għandu jkun soġġett għal skrutinju minn perit ieħor?”

Jgħid li l-liċenzjar ippjanat tal-kuntratturi se jfisser li hemm xi ħadd kwalifikat fuq il-post. Dan ikun ifisser li jkun hemm perit b’garanzija u kuntrattur liċenzjat. Finalment Zrinzo Azzopardi qal għaddej b’ħidma biex titjieb il-kooperazzjoni bejn il-Pulizija u l-OHSA.

Qablu u għat-tieni darba bħal Ministru Zrinzo Azzopardi xehed il-Ministru Clyde Caruana li diġa’ kien xehed fl-ewwel seduta fejn kien gie mitlub biex jgħaddi dokumenti. Caruana ddeskriva bħala “lista eżawrjenti” ta’ figuri u dokumenti li huwa kien qed jippreżenta.

Zrinzo Azzopardi ta wkoll dettalji ta’ regoli ġodda li jeħtieġu li l-kuntratturi tal-kostruzzjoni li jkunu liċenzjati. Il-kuntratturi jridu japplikaw għal-liċenzja tagħhom sal-aħħar tax-xahar id-dieħel u jkunu liċenzjati sal-aħħar ta’ Jannar.

“Jekk kuntrattur ma japplikax u jrid ikompli jaħdem, fl-1 ta’ Novembru jkun qed jikser il-liġi. Allura ma jkunx jista’ jaħdem temm jgħid ix-xhud. Dan hekk kif dalgħodu fil-Qorti kompla s-smigħ ta’ l-Inkjesta Pubblika dwar il-każ traġiku taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia.

Il-Kurunell Mark Mallia, CEO ta’ Identità, li qabel kienet tissejjaħ Identity Malta, xehed ukoll f’din l-inkjesta. Hu ġie mistoqsi dwar ħaddiema mhux membri tal-UE. Jgħid li l-awtorità tiegħu hija responsabbli għall-permessi ta’ residenza.

Mallia spjega l-proċess tar-rwol ta’ Identità fl-importazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Mallia kien mitlub jgħid x’jiġri jekk min iħaddem u huwa reġistrat irid ħaddiem barrani għall-proġett ta’ kostruzzjoni tiegħu. Identità x’titlob minnu? Titlob xi ċertifikat tal-ħiliet?

“Nitolbu kuntratt tax-xogħol,” wieġeb Mallia. “Hu l-Jobsplus li jagħmel l-ittestjar tas-suq tax-xogħol. Aħna nibagħtu d-dokumenti kollha lil Jobsplus u huma jieħdu ħsieb l-iskrutinju kollu dwar l-impjieg.” Mallia qal li qabel l-2019, kien imfittex grad ta’ esperjenza mingħand ħaddiema prospettivi. Dak imbagħad inbidel għal “dikjarazzjoni ta’ idoneità”, iffirmata minn min iħaddem.

Dik id-dikjarazzjoni tingħata lil Jobsplus u Identità toħroġ permess tax-xogħol wieħed ladarba tingħata l-approvazzjoni minn Jobsplus u l-pulizija, jispjega Mallia. “Aħna nipproċessaw biss applikazzjonijiet għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Il-ħaddiema tal-UE lanqas biss jgħaddu mill-bibien ta’ Identità.

Jgħid li Identità għandha wkoll is-setgħa li tivverifika li ħaddiem ikun tassew fuq il-post tax-xogħol u wettaq ħafna spezzjonijiet flimkien ma’ Jobsplus. X’jiġri jekk jibdlu x-xogħol? “Jekk jibdlu x-xogħol jew ir-residenza għandhom jinfurmaw lil Identità. Sakemm ma jagħmlux hekk, ikunu qed joqogħdu Malta illegalment u soġġetti għal deportazzjoni.”

L-aħħar xhud kien l-Avukat Jason Azzopardi li qal li għandu dokmenti awtentiċi li huma mportanti għal każ. Dr. Azzopardi qal li meta ġrat it-traġedja ta’ Jean Paul Sofia, huwa ġie avviċinat ta’ uffiċjal għoli mill-Gvern. Dan qallu li kien hemm regolamenti diġa lesti u għaddielu xi dokumenti dwar dan. Ikkonferma ma membru tal-kabinett.

Azzopardi jgħid li ġie avviċinat “b’mod kunfidenzjali taħt segretezza professjonali” minn uffiċjal pubbliku u qallu dwar dokument ippreżentat lill-kabinett. Huwa kiseb memorandum li kien ġie ppreżentat minn Aaron Farrugia lill-kabinett. Dawn kienu żewġ abbozzi ta’ avviżi legali ffirmati minn Farrugia, Chris Agius, mhux il-prim ministru, dwar il-liċenzjar tal-kuntratturi. Jirrimarka li din hija l-ewwel darba li qatt ħarġet minuta tal-kabinett.

L-avukati Therese Comodini Cachia, Eve Borg Costanzi u Matthew Cutajar qed jassistu lill-familja Sofia. L-avukat tal-Avukat tal-Istat Anthony Borg irrappreżenta lill-istat. L-inkjesta se tkompli fit-22 ta’ Settembru fil-11.30am fejn il-Bord se jisma’ erba’ xhieda.

Seduta oħra se ssir fid-29 ta’ Settembru fid-9am fejn se jkun hemm ħames xhieda. Il-Bord se jisma’ wkoll diversi xhieda fid-9 ta’ Ottubru fis-2pm. u fis-16, 18, 20 u 27 ta’ Ottubru, wara nofs inhae.Seduta oħra tħalliet għat-3 ta’ Novembru wkoll fis-2pm.

L-inċident traġiku meta tilef ħajtu Jean Paul, kien seħħ f’Kordin nhar it-3 ta’ Diċembru li għadda, fejn fi ftit minuti iġġarrfet binja waqt xogħol ta’ kostruzzjoni…b’konsegwenza li ħalliet liż-żagħżugħ ta’ 20 sena mirdum qalb it-terapien, filwaqt illi ħames persuni oħra spiċċaw midruba serjament.

Għal xhur sħaħ, il-Gvern baqa’ jirreżisti li ssir Inkjesta Pubblika dwarha. Tant li saħansitra ivvota kontra l-mozzjoni li tressqet fil-Parlament mill-Partit Nazzjonalista.

Dawn huma is-seba’ aspetti li qed tinvestiga l-Inkjesta:

  1. Jiġi mistħarreġ jekk l-allokazzjoni minn entitajiet tal-Gvern lil AllPlus Limited li tagħha Matthew Schembri u Kurt Buhagiar huma diretturi, tas-sit li fuqu kien qiegħed isir ix-xogħol ta’ kostruzzjoni inkwistjoni, saritx skont il-liġi, b’mod regolari u skont il-proċeduri viġenti, jew xort’ oħra;
  2. Jiġi investigat u stabbilit jekk kienx hemm relazzjoni bejn il-mod kif saret l-imsemmija allokazzjoni, it-tiġrif tal-binja i l-konsegwenzi tagħha;
  3. Fil-kuntest ta’ x’ġara qabel, matul u wara l-mewt ta’ Jean Paul Sofia, jiġi investigat jekk l-iStat kellux fis-seħħ regolamenti u jekk assigurax l-infurzar ta’ regolamenti, policies, proċessi u obbligi amministrattivi, li kapaċi jipproteġu s-saħħa u s-sigurtà ta’ persuni matul il-fażijiet kollha tal-iżvilupp u l-kostruzzjoni.
  4. Jiġi investigat jekk miżuri adekwati għall-prevenzjoni ta’ fatalitajiet u korrimenti minħabba l-iżvilupp u l-kostruzzjoni humiex serjament integrati fil-proċessi kollha relatati ma’ dawn is-setturi.
  5. Jiġi investigat jekk il-proċess tal-ippjanar, l-iżvilupp u l-kostruzzjoni għandux fi ħdanu liġijiet, policies, regolamenti, proċessi amministrattivi u miżuri operazzjonijiet xierqa li kemm jista’ jkun jeliminaw ir-riskju ta’ korriment u/jew mewt.
  6. Jiġi investigat jekk kienx hemm xi enitat tal-iStat, inkluż dawk tal-iżvilupp u l-kotruzzjoni li naqset milli tieħu passi/azzjoni fil-parametri tal-poteri tagħha li f’ġudizzju raġjonevoli kienet mistennija tieħu sabiex tevita risku ta’ korriment u/jew mewt.
  7. Jitressqu dawk ir-rakomandazzjonijiet kemm regolatorji kif ukoll amministrattivi, skont id-deċiżjoni tal-Bord, sabiex jittieħdu miżuri għat-tisħiħ tas-saħħa u sigurtà fuq siti ta’ kostruzzjoni.