Edukazzjoni Lokali

Għalliem tal-primarja tħalla bla klassi għax il-kap tal-iskola għandha kontrih – UPE

Kap ta’ skola qed tkun akkużata li naqset milli tassenja klassi lil għalliem tal-primarja għas-sena skolastika li jmiss.

Dan qalitu l-Union tal-Edukaturi Professjonisti (UPE) hekk kif ressqet ilment lill-awtoritajiet tal-edukkazzjoni dwar sitwazzjoni li skont il-UPE hi inaċċettabbli u li jingħad li qed isseħħ fl-iskola primarja tal-Kulleġġ Santa Tereża.

Skont l-UPE, il-kwistjoni nqalgħet sempliċiment għaliex il-kap tal-iskola għandha kontra dan l-għalliem partikolari, bil-konsegwenza li l-għalliem ma ġiex assenjat klassi qabel il-vaganzi tas-sajf. Għall-kuntrarju, għalliema oħra fl-istess skola kollha ġew assenjati klassi.

Il-UPE stqarret li rrappurtat din il-kwistjoni għal diversi drabi lill-Ministeru tal-Edukazzjoni, u lis-Segretarju Permanenti Matthew Vella, minn Lulju u ilha tħeġġeġ lill-Ministeru biex jipprovdi soluzzjoni għal din il-kwistjoni.

Iddikjarat ukoll li dan ir-rapport segwa episodji oħra fejn l-istess kap tal-iskola wettqet atti ta’ bbulijar fuq il-post tax-xogħol fil-konfront ta’ dan l-għalliem aktar kmieni din is-sena.

Il-UPE qalet li fuq insistenza tagħha, u wara li rċeviet rapporti minn diversi edukaturi dwar allegat abbuż mill-Kap tal-Iskola, il-Ministeru beda investigazzjoni. “Għalkemm sa issa l-Ministeru kiseb l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar l-allegati episodji, l-investigazzjoni qed tieħu aktar żmien milli mistenni biex tiġi konkluża,” akkużat l-UPE.

Fid-dawl ta’ dan, l-UPE esprimiet id-diżappunt u t-tħassib tagħha dwar is-sitwazzjoni edukattiva u tenniet li l-edukaturi jixirqilhom aħjar.