Internazzjonali

Ir-Renju Unit: ‘Vot għal Keir Starmer ikun vot għal Brexit aħjar’

Ritratt: Getty Images

Il-Kap Laburista fl-Oppożizzjoni Sir Keir Starmer qal, waqt intervista, li għandu jfittex ‘ftehim ħafna aħjar’ dwar Brexit mal-Unjoni Ewropea jekk kemm il-darba l-partit tiegħu jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss fir-Renju Unit.

Starmer informa lill-Financial Times li l-ftehim ta’ Brexit milħuq bejn Brussell u l-eks Prim Ministru Britanniku Boris Johnson ‘ma kienx daqstant xieraq u għaqli’ fiċ-ċirkustanzi. Hu qal dan wara l-kwinti ta’ konferenza għall-mexxejja taċ-ċentru-xellug li kien qed isir f’Montreal, fil-Kanada.

Madankollu, Starmer ċaħad li jista’ jipprova jdaħħal mill-ġdid ir-Renju Unit f’xi unjoni doganali mal-UE. Hu lanqas mhu beħsiebu jipprova jaqleb il-proċess ta’ Brexit biex ir-Renju Unit jerġa jissieħeb fis-suq komuni jew isir mill-ġdid membru tal-Unjoni.

Fl-istess ħin mhux ċar jekk l-Unjoni Ewropea tistax tkun disposta li taqbel dwar xi arranġamenti sinifikanti għall-ftehim ta’ Brexit li daħal fis-seħħ fl-2021.

Intant, il-Partit Konservattiv fil-Gvern akkuża lill-Kap Laburista dwar ‘opportuniżmu’ u ‘tidwir mal-lewża’ dwar il-vera intenzjonijiet tiegħu. Dan meta Keir Starmer, tliet snin ilu, kien wiegħed li ma jippruvax għal xi bidliet kbar fir-relazzjoni ġdida mal-Unjoni jekk kemm-il darba jkun qed imexxi lil pajjiżu.

U d-domanda fuq fomm kulħadd tirrigwarda ‘il-prezz li Starmer jista’ ikun lest li jħallas lill-UE għal negozjati ġodda dwar ir-relazzjoni attwali bejn Londra u Brussell. Dan minkejja li Starmer sostna diversi drabi li mhux se jipprova jissieħeb mill-ġdid fl-UE f’każ li l-Laburisti jirbħu l-Gvern u fost il-wiegħdiet tiegħu biex ‘jaċċerta li l-proċess ta’ Brexit jirnexxi’.