Raġel ta’ 27 sena residenti Birżebbuġa nżamm arrestat wara li ġie mixli saq fuq sieq ta’ pulizija waqt li kien ipparkjat quddiem garaxx f’Birżebbuġa. Dan wara li l-uffiċjal tal-Pulizija fi grad ta’ Surġent ipprova jwaqqfu peress li n-numri ta’ reġistrazzjoni tal-vann ma kienux tiegħu imma ta’ karozza oħra.
Etienne Buttigieg tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras mixli li kkaġuna feriti gravi lill-uffiċjal billi kisirlu l-pala ta’ siequ fost akkużi oħra li kkommetta reat waqt li kien taħt ordni ta’ probation u li sar reċidiv. Hu wieġeb mhux ħati għall-akkużi kollha miġjubin kontrih.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li nhar is-Sibt li għadda filgħodu, daħal rapport lill-Pulizija mingħand mara, ġara tal-akkużat li qalet li ma setgħetx toħroġ il-karozza mill-garaxx tagħha għax kien hemm vann ipparkjat quddiemha. Fil-fatt fejn kien ipparkjat il-vann hemm żewġ linji sofor li jindikaw li ma jistax isir parkeġġ.
Il-pulizija waslu fuq il-post u talbuh iressaq il-vann iżda l-akkużat qal li kellu xi ħsara fil-vann u ma setax iressqu. Iżda l-uffiċjali nnotaw li n-numru fuq il-pjanċi kien skorrett u li dan ma kienx l-ewwel każ bħal dan.
L-akkużat laħaq irranġa l-vann u meta Surġent ordnalu biex ma jsuqx il-vann għax kellu jispjega d-diskrepanzi li kellu, hu pprova jwaqqfu imma l-akkużat xorta saq minn fuq il-post. Hawn l-akkużat rifes lis-s-Surġent waqt li kien qed jaħrab minn fuq il-post.
L-akkużat ma nstabx mill-Pulizija dakinhar u nħareġ mandat t’arrest fil-konfront tiegħu biex jiġi arrest mill-aktar fis possibbli. Iżda l-akkużat baqa’ ma nstabx tul il-jum tas-Sibt u l-għada nstab fiż-Żejtun fejn ġie arrestat f’razzett. Hemm kien ukoll il-vann.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat oġġezzjonat bil-qawwa kollha abbażi tal-fatt li l-akkużi huma serji u li “l-ebda uffiċjal m’għandu jaqdi dmirijietu u jispiċċa fi ksur f’saqajh”. Hemm il-biża wkoll ta’ kontaminazzjoni tal-provi u li din mhux l-ewwel darba li wettaq reati simili fosthom fejn il-vittmi huma uffiċjali tal-Pulizija.
Dan apparti li għad fadal persuni x’jixhdu u l-akkużat għandu kondotta mtappna. Żiedet li l-akkużat għandu storja ta’ “taħwid fil-vetturi u għalih qisu the order of the day”. Id-Difiża preseduta mill-Avukati Franco Debono u Anthony Stellini rribattiet li l-akkużat lest jgħix għand ommu f’Ħal Kirkop biex ikun ‘il bogħod minn Birżebbuġa u li l-inċident inqabad kollu fuq il-bodycams tal-Pulizija.
Buttigieg ġie mixli wkoll li wettaq vjolenza fuq uffiċjal tal-Pulizija, li heddu, li nġurjah u li naqas li jobdi l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija. Ġie mixli wkoll li kiser il-paċi pubblika, li saq vann b’manjiera perikoluża u b’numri ta’ reġistrazzjoni foloz.
L-Avukat Debono li għamel it-talba qal li l-akkużat ma weġġax lis-Surġent apposta u ma kellu l-ebda intenzjonijiet malizzjużi u li dan kien biss “inċident sfortunat u jiddispjaċih għal dak li ġara”. Il-Qorti ma laqgħetx it-talba tad-Difiża u ordnat li l-akkużat jinżamm taħt arrest. L-Ispetturi Doriette Cuschieri u Jonathan Cassar mexxew il-Prosekuzzjoni. L-avukati Franco Debono u Anthony Stellini rrappreżentaw lill-akkużat.
//= $special ?>