Lokali

Jisħqu għal politika fejn il-poplu jitpoġġa fiċ-ċentru għal ħajja aħjar

Ritratt: Matthew Tabone

Professur Andrew Azzopardi – Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà

Waqt l-intervent tiegħu l-Professur Andrew Azzopardi tkellem dwar ċifri ferm inkwetanti; ċifri li juru kemm il-poplu jinsab inkwetat dwar it-traffiku f’pajjiżna kif ukoll il-korruzzjoni. Huwa qal li l-bżonn tat-terapija sploda dan filwaqt li diversi nies qed ibatu minn ansjeta kbira. Huwa appella għal politika li tkun imfassla għall-bniedem sabiex ikollu ħajja aħjar.

Eman Borg – Fundatur ta’ LGBTI+ Għawdex

Il-fundatur ta’ LGBTI+ Għawdex Eman Borg qal li meta nitkellmu dwar l-ugwaljanza ma nitkellmux biss fuq affarijiet li jinsabu fuq il-karta iżda nitkellmu wkoll fuq esperjenzi li l-minoranza tgħaddi minnhom. Huwa qal li huwa ta’ dispjaċir kbir li ż-żgħażagħ qed jitilqu minn pajjiżna għaliex jgħidu li l-opportunitajiet jinsabu barra minn xtutna. Eman Borg appella l-bżonn li jkun hawn bidla fil-pajjiż sabiex il-poplu jkun fiċ-ċentru.

Randolph Peresso – Assistent Kap tal-Iskola

L-edukazzjoni hija ċ-ċavetta sabiex wieħed ikollu ħajja aħjar kif ukoll biex jasal għal soluzzjonijiet aħjar. Huwa tajjeb li nagħmlu riformi fl-iskejjel iżda rridu nagħtu każ il-fatturi soċjali sabiex it-tfal ikollhom edukazzjoni aħjar. Huwa qal li l-għalliema huma l-bennejja tal-iskola iżda sfortunatament aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jonqsu n-nies li jsegwu karriera fl-edukazzjoni jew inkellha dawk li huma diġà għalliema qed jitilqu għal xogħol aħjar. Randolph Peresso saħaq fuq l-importanza li jintwera rispett lejn l-għalliema li jaħdmu qatigħ sabiex jedukaw it-tfal li huma l-futur ta’ pajjiżna.

Amy Camilleri Zahra – Attivista għad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà u Akkademika

Waqt l-intervent tagħha Amy Camilleri Zahra tkellmet fuq il-kwalità tal-ħajja fejn hija qalet li ma tistax tfassal politika soċjali jekk ma tikkunsidrax il-fatturi kollha fosthom l-inflazzjoni, il-ħajja mgħaġġla, l-ambjent kif ukoll id-drittijiet bażiċi. Hija qalet li jekk jitnaqqru dawn il-fatturi l-poplu se tonqoslu l-kwalità tal-ħajja. Dawn il-fatturi għandhom effett emozzjonali kif ukoll fuq is-saħħa fiżika. Amy Camilleri Zahra saħqet li għandna bżonn miżuri għal work-life balance, aktar miżuri għal anzjani fost affarijiet oħra. Hija aċċennat jekk ikun hawn aktar miżuri l-poplu jkollu kwalità ta’ ħajja aħjar.

Sergio Sammut – Uffiċjal tal-Politika fi ħdan ROTA

Sergio Sammut li huwa Uffiċjal tal-Politika fl-għaqda ROTA qal li hemm bżonn liġijiet sabiex jissalvagwardjaw dawk l-aktar vulnerabbli fit-toroq. Huwa qal li l-infurzar f’pajjiżna huwa wieħed batut ħafna u appella sabiex tingħata prijorità lil dawk li jkunu qed jimxu fit-triq jew isuqu r-rota. Sammut enfasizza fuq il-ħtieġa li l-bniedem ma jintesiex fit-tfassil tal-politika għaliex jekk jintesa l-bniedem tonqoslu l-kwalità tal-ħajja.