Ambjent Lokali

Jitnaqqas l-ammont ta’ pulizija li jissorveljaw l-istaġun tal-kaċċa tal-ħarifa

Żieda fil-kaċċa illegali hekk kif tilħaq il-qofol tagħha l-passa tal-ħarifa tal-għasafar

L-ewwel ġimagħtejn tal-istaġun tal-kaċċa tal-ħarifa diġà ġabu magħhom diversi każi ta’ kaċċa illegali hekk kif qed ikompli jippersisti n-nuqqas ta’ rieda politika biex tiġi kkontrollata l-kaċċa illegali. Hekk kif il-passa ta’ diversi speċi Ewropej protetti minn fuq Malta mistennija tilħaq il-qofol tagħha fil-jiem li ġejjin, il-preżenza baxxa tal-pulizija mistennija tirriżulta biss f’aktar kaċċa illegali u bla kontroll.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa t-Tnejn minn Birdlife Malta. L-istaġun tal-kaċċa tal-ħarifa f’Malta fetaħ fl-1 ta’ Settembru b’madwar 10,000 kaċċatur jingħataw il-liċenzja biex joħorġu għall-kaċċa. Uħud mir-restrizzjonijiet fis-seħħ matul dan il-perjodu jinkludu kwota nazzjonali ta’ 500 Gamiema, u li l-kaċċa tieqaf wara s-7pm matul il-ġimgħa u fis-1pm fil-Ħdud u l-festi pubbliċi, minbarra l-ħarsien ta’ diversi speċi normalment imfittxija mill-kaċċaturi bħalma huma t-tajr tal-priża, ċikonji u rsieset, li l-passa tagħhom tkun
fl-aqwa tagħha f’dan iż-żmien tas-sena.

L-infurzar tul l-istaġun jiddependi kompletament mit-taqsima tal-Environmental Protection Unit (EPU) tal-Korp tal-Pulizija li bħalissa għandha biss 15-il uffiċjal li jaħdmu fuq bażi ta’ shift. Filwaqt li fis-snin l-imgħoddija, kien jiżdied in-numru ta’ pulizija biex din it-taqsima tiġi msaħħa tul il-perjodu meta l-passa ta’ diversi tajr protett tilħaq il-qofol tagħha fil-Gżejjer Maltin, din is-sena mhux se jkun hemm żieda fl-uffiċjali. Dan ifisser li matul l-aqwa tal-passa fil-ġranet li ġejjin, f’Malta se jkun hawn massimu ta’ 1-2 timijiet tal-pulizija li huma speċjalizzati fejn għandu x’jaqsam mal-kaċċa. F’Għawdex, it-timijiet speċjalizzati fil-qasam tal-ambjent ma jeżistux, b’ħafna mill-membri tal-korp tal-pulizija fil-gżira ta’ Għawdex mistennija jkunu assenjati fuq xogħol marbut mal-kontroll tat-traffiku tal-iskejjel fil-ħinijiet ta’ filgħodu, waqt li l-kaċċa tibqa’ għaddejja mingħajr kontroll ta’ xejn.

Tajr kbir li jissiefaħ bħalma huma l-Kuċċard, il-Bagħdan, Ajkli u Ċikonji u li jiddependu fuq l-arja sħuna biex ikunu jistgħu jitilgħu fil-għoli ħalli jaqsmu minn Sqallija lejn l-Afrika, jieqaf f’Malta biex jistrieħ jekk jasal waranofsinhar, u f’dan il-mument ikun qed jittajjar fil-baxx, li jagħmilha aktar faċli li jispiċċa fil-mira tal-kaċċaturi. Minkejja li fl-imgħoddi kien ġie infurzat curfew fuq il-kaċċa wara t-3 pm biex dawn l-ispeċi jiġu protetti mill-possibbiltà li jinqatlu, fl-aħħar snin din il-miżura tneħħiet fuq insistenza tal-għaqdiet tal-kaċċaturi.

Il-Kap tal-Konservazzjoni ta’ BirdLife Malta Nicholas Barbara qal: “Bħalissa ninsabu fi stat ta’ degradazzjoni istituzzjonalizzata fil-qasam tal-ħarsien tal-għasafar. Wara t-tneħħija tal-curfew fuq il-kaċċa u wara li ġew imdgħajfa l-liġijiet li jippermettu l-ibbalzmar, issa bit-tnaqqis fin-numru ta’ uffiċjali tal-pulizija biex jinfurzaw l-istaġun tal-kaċċa se nkunu qed nagħtu d-daqqa tal-mewt lil eluf ta’ għasafar li qed jitilqu mill-Ewropa u jgħaddu minn Malta waqt il-vjaġġ tagħhom tal-passa lejn l-Afrika biex iqattgħu x-xitwa hemmhekk.”

Fl-aħħar jiem minn meta fetaħ l-istaġun, BirdLife Malta kienet infurmata b’numru ta’ inċidenti, fejn kellna qtajja’ ta’ Vellerani u Kuċċard li spiċċaw fil-mira tal-kaċċa illegali barra l-Buskett, u numru ta’ Isqra tal-Ħannieqa li tniżżlu qrib Ħaż-Żebbuġ. Fl-aħħar jiem kienu osservati wkoll jittajru numru ta’
għasafar b’feriti kkawżati minn tiri ta’ senter, fosthom Bagħdan, Fjamingu u Farruġ, b’numru ta’ dilettanti li jiddokumentaw il-passa tal-għasafar jiġbdulhom diversi ritratti. Fl-aħħar jiem inġabru wkoll minn BirdLife Malta u l-pulizija numru ta’ għasfar feruti, li kienu jinkludu speċi differenti ta’ rsieset bħal Agrett Abjad u Kwakka, tajr tal-priża bħal Bisien tar-Reġina, Spanjulett, Kuċċarda u Seqer tal-Ħannieqa, Gawwija Prima, Daqquqa tat-Toppu u Qerd inNaħal.

Inċidenti rrapurtati lill-pulizija jinkludu l-qtil ta’ Arpa fil-Girgenti nhar l-Erbgħa. F’dan il-każ tim ta’ pulizija kellu jiġi saħanistra mill-Mellieħa biex jinvestiga dan ir-rapport, u wasal fil-post tard wisq biex ikun jista’ jaqbad lis-suspettat.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana qal: “Nappellaw lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà biex jonora l-obbligi ta’ Malta fil-qasam tal-ħarsien tal-għasafar, u ma jċedix għall-pressjonijiet biex jirrendi l-infurzar fl-aktar livelli baxxi fl-istorja. Il-mewġa ta’ inċidenti ta’ kaċċa illegali li hawn bħalissa hija turija tal-ħtieġa li l-pajjiż ikollu Environmental Protection Unit effettiva u mgħammra bl-għodod kollha meħtieġa, li tkun mifruxa ma’ Malta u Għawdex kollha. Infakkru li l-UE qed tikkontesta l-infurzar ineffiċjenti f’Malta f’dak li għandu x’jaqsam mal-kaċċa illegali tal-għasafar.”

L-ammont ta’ pulizija mistenni jingħata spinta biss jekk f’Ottubru tiġi implimentata d-deroga li tippermetti l-insib tal-għasafar, u dan minħabba li l-liġi tobbliga li jkun hemm preżenza ta’ seba’ uffiċjali tal-pulizija għal kull 1,000 liċenzja.

Huwa ironiku li l-uniku tentattiv reali biex jiżdiedu l-uffiċjali tal-pulizija matul staġun tal-kaċċa jsir biss f’ċirkostanzi partikolari meta l-awtoritajiet ikunu jridu jimpressjonaw lill-istituzzjonijiet Ewropej li qegħdin jissorveljaw kif suppost it-tħaddim tad-deroga. Madankollu l-obbligu veru għandu jkun dak li nipproteġu
l-għasafar tal-Ewropa li qed iħallu l-Ewropa biex iqattgħu x-xitwa fl-Afrika, u li ħafna drabi l-uniku destin li jiffaċċjaw ikun dak li jispiċċaw parti minn kollezzjoni tal-għasafar ibbalzmati f’Malta.